Lokali

“Robert Abela jibqa’ ma jieħu l-ebda azzjoni kontra l-abbużi ta’ Ian Borg” – PN

“Jekk Robert Abela jrid verament juri li l-Gvern tiegħu jinsab taħt kontroll… irid jassigura li Ministri li kontinwament qed jabbużaw mill-liġijiet Maltin jitneħħew minnufih qabel tkompli titkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza indirizzata mill-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża, Mark Anthony Sammut u l-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stanley Zammit fid-dawl li diġa’ għaddew tlett ijiem mindu l-Qorti qieset l-azzjonijiet ta’ Ian Borg bħala illegalitajiet.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Appell kienet iddikjarat bħala illegali permess tal-Awtorità tal-Ippjanar mogħti lill-Ministru Ian Borg u martu biex jibnu pool f’għalqa agrikola fid-dar tagħhom, li tinsab fil-periferija tar-Rabat. Il-Qorti tal-Appell kkastigat ukoll lill-Awtorità tal-Ippjanar talli marret kontra l-policies tagħha stess biex takkomoda lill-ministru.

Mark Anthony Sammut qal kif din ma kinitx l-ewwel darba li l-Ministru Ian Borg għażel li jikser il-liġi biex jaqdi lilu nnifsu personalment f’azzjonijiet li żgur mhumiex żbaljati iżda saru b’intenzjoni.

Min-naħa tiegħu Stanley Zammit qal kif il-Gvern Laburista għal dawn l-aħħar snin wera kif ħa l-kontroll ta’ pajjiżna taħt idejh biex juża l-liġijiet Maltin kif jaqbel lilu u mhux biex jaqdi l-bżonnijiet tal-poplu Malti u Għawdxi, filwaqt li qed joħloq iktar lok għal  abbuż.

Dan kollu qed iħalli wkoll impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Kien għalhekk li huma appellaw biex il-Gvern Laburista jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jneħħi l-manipulazzjoni li hemm fis-seħħ minn membri Laburisti.

Ritratti: Matthew Tabone