Lokali Saħħa

WARA LI ĦAKEM SEDUTA PARLAMENTARI: Robert Abela jitkellem dwar is-serenità

Jibqa' jinsisti li Steward għamlu investiment, u jinjora s-sentenza tal-Qorti

Wara li l-Ħamis għamel monologu fil-Parlament għal siegħa sħiħa u baqa’ jiddefendi lil Steward Healthcare, illum Robert Abela appella għas-serenità. Għalkemm fl-ebda ħin baqa’ ma refa’ responsabbiltà għad-deal tal-isptarijiet – ftehim imnawwar bi frodi illi ġie saħansitra kundannat mill-Qorti.

F’intervista mal-media tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela qed jgħid li l-Awditur Ġenerali se jwettaq investigazzjoni sabiex jara jekk kienx hemm serq ta’ flus mid-deal tal-Vitals u Steward. Fil-fatt, Abela qed jibqa’ jitfa’ dubji jekk sarx investiment jew le minn Steward. Meta fil-verità, is-sentenza tal-Qorti diġa’ ddikjarat b’mod ċar li l-obbligi ma ntlaħqux. U għalhekk, id-deal ġie dikjarat bħala null.

Fuq ir-radju Laburista Robert Abela qal li se jkun sod ma’ Steward. Dan minkejja li fl-aħħar snin il-Gvern mhux talli ma kienx sod, talli baqa’ joħroġ miljuni kbar – budget wara l-ieħor.

Waqt din l-intervista, Abela reġa’ semma’ l-isptar ġdid li jrid jibni f’Għawdex. Hawn, hu qal li dan l-isptar se jibqa’ f’idejn il-Gvern – minkejja li fl-aħħar jiem alluda għall-fatt li lest jagħti konċessjoni oħra.