Lokali

Arrestati mara u raġel wara li nqabdu jisirqu fil-fatt f’Bormla

Raġel ta’ 31 sena mill-Marsa u żagħżugħa ta’ 29 sena minn Ħaż-Żabbar ġew arrestati wara li allegatament nqabdu jisirqu fil-fatt.

Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħdu f’Bormla, wara li għall-ħabta tas-sagħtejn il-Pulizija kienet infurmata li qrib stabbiliment fi Triq San Franġisk kienu għaddejjin xi movimenti suspettużi.

Immedjatament il-Pulizija marret fil-post fejn quddiem l-istabbiliment innotaw li kien hemm katnazz imkisser għaldaqstant l-uffiċjali daħlu jispezzjonaw ġewwa…u hemm spiċċaw wiċċ imb’wicc mar-raġel u l-mara…li kienu b’wiċċhom mgħammad kif ukoll b’xi għodda f’idejhom.

Il-koppja kienet arrestata minnufih filwaqt li fil-pussess tagħhom instab li kellhom flus kontanti, kif ukoll mus.

Filwaqt li ttieħdu l-lock up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ, bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.