Ħamrun Bayern A fetħu beraħ il-kampjonat wara li f’logħba missielta fil-Każin Banda San Gejtanu, għelbu lil-leaders tal-kampjonat Ħamrun Education 5-3. B’din ir-rebħa Ħamrun bayern issa jinsabu t-tielet b’35 punt, żewġ punti biss taħt l-istess Education Bar.
Ħamrun Bayern A kellhom bidu mill-aqwa u saħansitra fetħu vantaġġ doppju fuq l-avversarji, iżda t-tim ta’ Ħamrun Education irnexxilhom jerġgħu iġibu l-iskor f’parità. Madankollu Ħamrun Bayern kienu l-aqwa fil-ġurnata u rebħu ż-żewġ logħbiet ta’ wara biex reġgħu fetħu vantaġġ doppju bl-iskor isir 4-2.
Ħamrun Education reġgħu rebħu l-logħba ta’ wara iżda Ħamrun Bayern issiġillaw ir-rebħa u ħadu l-punti massimi li reġgħu fetħu l-kampjonat.
Floriana Ajax X Clean ħadu vantaġġ minn dan ir-riżultat u jinsabu issa punt biss bogħod minn Education Bar wara skor pożittiv ta’ 5-3 kontra Manchester Conquest Pub. Sadanittant Fgura Kenky rebħu bl-istess skor lil Top Gun Marsa.
Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, il-leaders Birżebbuġa Lions għelbu fid-derby lil Cox Bar 7-1 sabiex baqgħu jżommu ż-żewġ punti vantaġġ fuq PO’s Bar li min-naħa tagħhom rebħu bl-istess skor lil Floriana Ajax MCP B.
Mqabba tal-Ġilju kisbu rebħa tajba ta’ 5-3 kontra Fgura Maypole.
Fit-tielet diviżjoni kellna l-konfront dirett tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika hekk kif Birgu Boċċi Club żiedu l-vantaġġ f’ras il-klassifika minn ma’ Domus Żejtun wara li għelbuhom 5-3. It-tim mill-Kottonera hu għalhekk favorit li mhux biss li jiġi promoss iżda wkoll li jispiċċa champion ta’ din id-diviżjoni.
F’logħbiet oħra, Duke’s B għelbu lil Leah’s Bar 5-3 filwaqt li Żebbuġ FC għelbu 7-1 lil Mqabba FC.
KLASSIFIKA – L-EWWEL DIVIŻJONI
Ħamrun Education 37, Floriana Ajax X Clean A 36, Ħamrun Bayern A 35, Fgura Kenky 31, Manchester Conquest Pub 19, Sliema Inter DC 11, Ħamrun Bayern B 9, Top Gun Bar 3.
KLASSIFIKA – IT-TIENI DIVIŻJONI
Birżebbuġa Lions 37, PO’s Bar 35, Beland Bull’s Eye 20, Floriana Ajax X Clean B 16, Fgura Maypole 11, Cox Bar 10, Mqabba tal-Ġilju 7
KLASSIFIKA – IT-TIELET DIVIŻJONI
Birgu Boċċi Club 36, Domus Żejtun 31, Żebbuġ Rangers 25, Duke’s A 23, Duke’s B 17, Mqabba FC 4, Leah’s Bar 1.
//= $special ?>