Lokali

€356,187 miġbura waqt il-Maratona Ġbir ta’ Fondi

€356,187.

Din kienet is-somma miġbura fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi li organizza l-Partit Nazzjonalista matul il-jum tal-Hadd.

Maratona li matulha, bit-tema Int Jixraqlek Ahjar…eluf ta’ Maltin u Għawdxin taw l-appoġġ finanzjarju tagħhom biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex il-poplu Malta jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.

F’intervent li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalisa Bernard Grech saħaq li dawk kollha li fl-aħħar snin beżgħu jitkellmu jew ma jixtiqux juru wiċċhom jistgħu jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista għaliex bil-ħidma tagħhom…anke minn wara l-kwinti jistgħu ikunu parti integrali mill-bidla li dan il-pajjiż verament tixraqlu.

Bernard Grech sostna li bl-iskantament ta’ bosta, minflok jiddefendi lil pazjenti u lill-familji Maltin u Għawdxin, il-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jagħmilha tal-avukat għal min ġie jaħtfilna l-isptarijiet b’mod frawdolenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li kulħadd qiegħed jirrealizza li l-Gvern tal-Labour għamel tgħaffiġa u issa Abela ħareġ b’dik li Bernard Grech iddeskriva bħala gimmick….li jitlob lill-Awditur Ġenerali sabiex jara kemm ingħataw flus Steward Healthcare u Vitals.

Iżda staqsa d-domanda li kulħadd qed jistaqsi…kif Abela ma jafx ta’ Steward x’ingħataw?

Dan filwaqt li insista li l-Awditur Ġenerali diġà ħareġ 2 rapporti jċanfar il-Gvern u mistenni joħroġ ieħor…rapport li ntalab qabel ma tħabbret is-sentenza tal-Qorti.

Hu għamel ukoll l-appell tiegħu għad-donazzjonijiet biex il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jasal u jasal għand aktar nies.

Matul il-Maratona pparteċipaw ukoll diversi attivisti tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll Deputati Parlamentari Nazzjonalisti.

Tkellmu wkoll il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino kif ukoll it-teżorier Mario Ellul fejn ilkoll waslu l-appelli tagħhom sabiex kulħadd jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista u jsemma’ leħnu kontra s-serq tal-kwalità ta’ ħajjitna.