Futbol Sport

FA Cup fl-Ingilterra: Brighton u Sheffield United jikkwalifikaw għas-semi-finali

Brighton and Hove Albion kisbu rebħa konvinċenti ta’ 5-0 fuq Grimsby Town, fejn is-Seagulls għarrfu  jisfruttaw il-kwalita indiskutibbli tagħhom fil-konfront tal-avversarji qalbiena minn League Two.

Intant, Brighton, li għandhom  ukoll ċans żgħir li jispiċċaw fit-‘Top 4’ tal-Premier League, bdew b’kunfidenza kbira fl-Amex Stadium u fejn kisbu l-vantaġġ wara biss seba’ minuti. Dan meta l-gowlkiper tal-Mariners, Crocombe, ma żammx ix-xutt ta’ Moises Caicedo u bir-riżultat li Deniz Undav kellu biċċa xogħol faċli biex jiskorja mir-rebound.

Is-Seagulls baqgħu kmandi tas-sitwazzjoni minkejja li Grimsby bdew jagħlqulhom l-ispazji u fil-51 minuta, Alexis MacAllister sab lil Evan Ferguson li żgiċċa lil żewġ difensuri biex isib ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx għat-2-0.

Il-vantaġġ kompla jikber meta, fis-70 minuta, Ferguson għamilhom tlieta fuq l-assist ta’ Undav u b’Solly March (80) jgħaqqad il-poker b’header brillanti meta daħal għall-kross preċiż ta’ Adam Webster.

Fid-90 minuta,  Kaoru Mitoma ikkonkluda għall-ħames darba meta x-xutt tiegħu ħabat mad-difensur ta’ Grimsby Luke Waterfall qabel spiċċa mill-ġdid fix-xibka ta’ Crocombe.

Rebħa drammatika għall-Blades

Sheffield United għaddew għas-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba mill-2014 wara li għelbu lil Blackburn Rovers 3-2, f’’All Championship Clash’ mill-aktar drammatiku u spettakulari fi Bramall Lane.

Iż-żewġ tims qed jaspiraw fi promozzjoni għall-ogħla diviżjoni Ingliża u kienu Rovers li żblukkaw ir-riżultat mill-penalty ta’ Ben Brereton (21) li ngħata għall-handsball ta’ Jack Robinson. Tmien minuti wara wasal id-dro għall-Blades meta x-xutt mill-bogħod ta’ Max Lowe ixxellef mal-plejer avversarju Sam Gallagher qabel spiċċa fix-xibka ta’ Aynsley Pears.

Fit-tieni taqsima, il-logħba reġgħet daret favur Rovers grazzi għall-opportuniżmu ta’ Sammie Szmodics (60) iżda Sheffield irreaġew b’determinazzjoni kbira u Oli McBurnie għamilhom 2-2 fil-81 minuta u b’Tommy Doyle ( 90+1) jissiġilla l-kwalifikazzjoni b’xutt stupend minn barra l-kaxxa li ħalla lil Pears megħlub għat-tielet darba.