Futbol Sport

FA Cup fl-Ingilterra: Man Utd jeliminaw lil Fulham fost ix-xeni drammatiċi f’Old Trafford

Manchester United irkupraw minn żvantaġġ ta’ gowl ma’ Fulham biex qalbu kompletament ir-riżultat (3-1) f’xeni mill-aktar drammatiċi f’Old Trafford.  Dan sar possibbli wara li l-Cottagers tkeċċewlhom żewġ plejers fi spazju ta’ ftit minuti f’inċident li biddel għal kollox l-andament tal-logħba.

Fulham kienu aħjar mir-Red Devils għal ħafna ħinijiet u dehru qrib li jibbukkjaw posthom fis-semi-finali tal-FA Cup għall-ewwel darba mill-1975 (meta huma waslu sal-final u tilfuh kontra West Ham) wara li Aleksander Mitrovic (50) poġġihom fil-vantaġġ wara taħwida quddiem il-lasta ta’ David de Gea.

Fl-ewwel  45 minuta  United bilkemm qabdu art, b’Fulham ikunu ħafna aktar perikolużi, iżda r-Red Devils bdew jidħlu aktar fil-logħba malli qalgħu l-gowl u fis-70 minuta – fl-aktar attakk insidjuż sa dak il-ħin – Jadon Sancho avvanza u żgiċċa t-tackle ta’ Ream fil-kaxxa qabel għeleb lill-gowlkiper Leno b’xutt qawwi u bil-midfielder ta’ Fulham Willian jaqla’ il-ballun b’minkbu minn fuq il-linja għal penalty ċar.

Minn dak il-ħin qam pandemonju sħiħ, bir-referi Chris Kavanagh l-ewwel jagħti korner u bil-VAR jinfurmah biex jiċċekkja l-azzjoni mill-ġdid fost il-protesti tal-manager ta’ Fulham Marco Silva li fil-pront intwera ħamra diretta.

Sekondi wara tkeċċa anki Willian għal ‘deliberate handsball’ b’Mitrovic imissu l-istess destin wara li beda jimbotta u jinsulenta lir-referi – bil-captain ta’ United, Bruno Fernandes (75), jikkonverti l-penalty inevitabbli għall-1-1.

Fulham minn dak il-ħin tilfu rashom u l-konċentrazzjoni, b’United jagħmluhom tnejn żewġ minuti wara minn Marcel Sabitzer li dawwar għal ġewwa l-kross fil-baxx ta’ Luke Shaw għal ‘turnaround’ inkredibbli.

Minn dak il-ħin, ir-Red Devils amministraw ir-riżultat mingħajr wisq affann u ma kenitx sorpriża meta huma skurjaw it-tielet gowl minn Fernandes, li fil-ħin miżjud, irċieva mingħand is-sostitut Fred biex għeleb lil Leno b’xutt qawwi għar-rokna.

Man Utd, issa, jiltaqgħu ma’ Brighton and Hove Albion fis-semi-finali, b’Manchester City jikkonfrontaw lil Sheffield United ta’The Championship fis-semi-finali l-oħra – biż-żewġ logħbiet se jintlagħbu f’Wembley Stadium.