Lokali

“Il-PN dejjem kien fuq in-naħa tal-poplu” – Bernard Grech

“Robert Abela jinsab beżgħan, dgħajjef u maħtuf – qed jibqa’ jiddefendi lill-kriminali”

“Il-poplu fl-aħħar ġimgħat irrealizza li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien fuq in-naħa tiegħu, dejjem iddefenda lill-familji Maltin u Għawdxin….filwaqt li bħalissa Robert Abela għadu qed jiddefendi lil ta’ Steward.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu fuq Net FM.

Bernard Grech saħaq li kien biss Partit Nazzjonalista li ġab lura l-isptarijiet lill-poplu Malti u Għawdxi filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela għadu sal-lum jiddefendi lil Steward Healthcare bl-aktar eżempju oxxen kien nhar il-Ħamis fil-Parlament fejn għamel aktar minn siegħa jiddefendi lil ta’ Steward.

Huwa insista li Abela wera nuqqas ta’ rispett kbir lejn il-familji Maltin u Għawdxin…iżda wera wkoll x’kien il-famuż patt imxajtan li Abela nnifsu kien semmgħa fit-taqtiegħa għas-suċċessur ta’ Joseph Muscat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela huwa Prim Ministru maħtuf minn ta’ madwaru, Mexxej li illum jgħid mod u għada jgħid kif jaqbillu ħaddieħor.

Dan filwaqt li tkellem ukoll dwar kif qed jimxi x-Xandir Nazzjonali…fejn minkejja li l-Qorti sabet il-PBS ħati ta’ żbilanċ fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista xorta waħda għadhom għaddejjin bl-istess retorika…li qed tissarraf f’inġustizzja kbira għal poplu.

Bernard Grech saħaq li Robert Abela huwa beżgħan u dgħajjef anke rigward il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia għaliex għal xi raġuni għadu qed jinsisti li ma jiftaħx inkjesta pubblika indipendenti sabiex traġedja bħal din tiġi evitata akkost ta’ kollox.

Huwa temm jgħid li l-poplu qiegħed jirrealizza li l-Partit Nazzjonalista verament jinsab fuq in-naħa tal-poplu, verament konxju tal-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom iċ-ċittadin – il-vuċi tal-familji Maltin u Għawdxin.