Sport Waterpolo

Iż-żgħażagħ Maltin se jmorru t-Turkija bħala rebbieħa tal-grupp

Stewart Said

MALTA…………………..… 15

GRAN BRITTANJA……….. 5

(3-1), (3-0), (5-3), (4-1)

Erbgħa minn erbgħa. It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena se jmur it-Turkija għall-Kampjonat Ewropew bħala rebbieħ tal-grupp hekk kif temm il-fażi ta’ kwalifikazzjoni b’punti massimi.

Ir-rebħa kontra l-Gran Brittanja kienet komda għalkemm it-tim Malti ma kellux l-aqwa prestazzjoni tiegħu. Il-kowċ ta l-mistrieħ lil Jayden Cutajar u Sam Engerer filwaqt li utilizza plejers oħra li kellhom anqas spazju. Punt negattiv kien it-tliet penalties falluti.

Vantaġġ ta’ tliet gowls fl-ewwel sessjoni wittew it-triq għar-rebħa Maltija. Għalkemm gowl minn qagħda ċentrali ta’ Robert Bentham naqqset id-distakk, l-avversarji ftit dehru li se jagħtu battikata lit-tim Malti, bil-gowlkiper Malti ftit ikun mhedded serjament fil-lasta. Doppjetta ta’ Elijah Schembri u gowl ta’ Jayden Cassar kabbru l-vantaġġ fit-tieni sessjoni għal 6-1.

Iż-żewġ timijiet kienu jafu d-destin tagħhom fil-logħba. Dan wassal biex il-logħba fl-aħħar żewġ sessjonijiet infetħet xi ftit iktar min-normal. It-tim ta’ Milan Cirovic xorta żamm il-kontroll u baqa’ jkabbar il-vantaġġ. Fl-aħħar sessjoni, kien hemm opportunità wkoll għal Lee Montebello Brownrigg, Julian Valletta, Gabriel Bonavia u Zak Cutajar Licari li jniżżlu isimhom fost l-iskorers.

Malta: Z. Dzanovic, N. Bonavia, J. Valletta (1), G. Bonavia (1), J. Cassar (3), D. Bugeja, Z. Cutajar Licari (1), L. Montebello Brownrigg (1), E. Schembri(3), J. Chircop (4), L. Dimech, E. Mallia (1), I. Schembri

Gran Brittanja: F. Monaghan, T. Davis (1), M. Dickson (1), J. Carolan, H. Walsh, H. Broadhurst, S. Fitzsimons, L. McKie, R. Bentham (1), A. Cook (2), I. Nash, P. Ash, L. Hewitt

Referees: Rok Vehovec (Slovakkja), Ardaches Ovanzian (Bulgarija)