Futbol Sport

Juventus jirbħu d-Derby d’Italia filwaqt li Lazio jirbħu d-Derby della Capitale

(Ritratt: EPA)

Juventus rebħu d-Derby d’Italia wara li barra minn darhom għelbu lil Inter bl-iskor ta’ 1-0 biex b’hekk b’din ir-rebħa, Juventus telgħu fis-seba’ post. Il-gowl uniku f’din il-partita wasal fit-23 minuta permezz ta’ Filip Kostic li kkonkluda wara li rċieva mingħand Adrien Rabiot.

Intant f’partita oħra fid-Derby della Capitale kienu Lazio li rebħu kontra Roma bl-iskor ta’ 1-0 f’partita li rat ukoll tliet tkeċċijiet. Roma sfaw jilagħbu bi player anqas wara 32 minuta meta tkeċċa Roger Ibanez wara li ntwera’ żewġ karti sofor. Lazio approfittaw u marru fil-vantaġġ fil-65 minuta permezz ta’ Mattia Zaccagni. Lejn it-tmiem iż-żewġ timijiet tkeċċilhom player kull wieħed fejn għal Lazio tkeċċa Adam Marusic filwaqt li Bryan Cristante tkeċċa għal Roma.

Napoli fetħu vantaġġ ta’ 19-il punt f’ras il-klassifika meta għelbu lil Torino 4-0. Victor Osimhen poġġa lil Napoli fil-vantaġġ wara disa’ minuti. Khvicha Kvaratskhelia rdoppja permezz ta’ penalyt biex mbgħada kien għal darb’oħra Osimhen u gowl ieħor ta’ Tanguy Ndombele li għamlu l-iskor 4-0.