Internazzjonali

L-Ekwador: Mejtin u midruba waqt terremot qawwi

Talanqas 20 persuna tilfu ħajjithom, b’aktar minn 400 jisfaw midruba wara li terremot qawwi heżżeż liz-zoni tal-kosta lejn in-nofsinar tal-Ekwador.

It-theżżiż tal-art – li seħħew għall-ħin tan-nofsinar – ikkaġunaw il-ħsarat kbar fil-bini ta’ diversi bliet, bit-terremot jirreġistra madwar 6.7 fuq l-Iskala Richter. L-epiċentru tat-theżżiża kien viċin ta’ Balao, li tinsab xi 80 kilometru ‘il bogħod mill-belt ta’ Guayaquil, fejn qed jgħixu ‘il fuq minn tliet miljun persuna.

L-agħar inħawi li ntlaqtu kienu fil-provinċja ta’ El Oro u fejn mifhum li mietu talanqas 12-il resident. It-terremot inħass ukoll fil-parti ta’ fuq tal-Peru u fost rapporti li tifla tilfet ħajjitha fil-provinċja ta’ Tumbes (qrib il-fruntiera mal-Ekwador) wara li d-dar li kienet fiha ċediet direttament għal fuqha.

L-awtoritajiet fl-Ekwador, intant, ikkonfermaw li l-bini fl-ibliet ta’ Machala u Cuenca kienu fost l-aktar li ħarrbu l-ħsarat u fejn inqerdu wkoll numru ta’ karozzi fit-theżżiż tal-art. Dan waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi qed jagħmlu l-almu biex jgħinu lin-nies f’dawk il-lokalitajiet partikulari.