Internazzjonali

L-Ukrajna: ‘Messaġġ ta’ sfida’ minn Putin permezz taż-żjara f’Mariupol

Il-Gvern tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed jagħmilha ċara li l-Ukrajna mhi se tispiċċa qatt taħt il-kontroll tar-Russja wara li l-President Russu, Vladimir Putin, għamel żjara ‘sorprendenti u xokkanti’ fil-belt Ukrena ta’ Marioupol li ilha l-aħħar xhur okkupata mit-truppi tal-Kremlin.

L-istazzjonijiet tat-televiżjoni Russa, intant, ħarġu l-filmati ta’ Putin waqt li qed jivvjaġġa bil-karozza madwar il-belt u fejn hu anki ltaqa’ mar-residenti ta’ Mariupol, Din kienet anki l-ewwel żjara ta’ Putin fl-Ukrajna mindu l-militar tar-Russja invada lit-territorji tal-Ukreni lejn l-aħħar ta’ Frar tal-2022.

Vladimir Putin twassal f’Mariupol b’ħelikopter, bl-osservaturi jtennu li l-President Russu kien qed juża din iż-żjara (matul il-lejl tas-Sibt) bħala ‘messaġġ ta’ sfida’ lill-komunità internazzjonali. Dan ftit sigħat biss wara li l-Qorti Kriminali Internazzjonali kienet ħarġet mandat għall-arrest ta’ Putin b’konnessjoni mar-reati tal-gwerra kontra l-poplu Ukren sa mill-bidu tal-invażjoni.

Il-belt tal-port ta’ Mariupol kienet waqgħet lill-qawwiet Russi qabel is-sajf li għadda u wara li t-truppi ta’ Putin kienu bumbardjaw kull rokna ta’ din il-belt. Sadanittant, il-Kremlin qed jgħid li d-deċiżjoni ta’ Putin biex iżur Mariupol kienet waħda ‘spontanja’ u li hu ħa l-okkażjoni biex jiltaqa’ ukoll mal-ogħla kmandanti militari Russi fil-belt ta’ Rostov-on-Don, fil-viċin.

Il-battalja għal Mariupol kienet fost l-aktar imdemmija ta’ dan il-konflitt u fiha nqatlu ‘il fuq minn 20,000 persuna, L-analisti tan-Nazzjonijiet Uniti ikkalkulaw li fil-ġlied u l-bumbardamenti tas-sena l-oħra, inqerdu mad-90 fil-mija tal-bini waqt li mat-350,000 resident kellhom bilfors jabbandunaw lil din il-belt.

Qabel mar f’Mariupol, Vladimir Putin kien għamel żjara fil-Krimea li kienet qasira daqskemm kienet sinifikattiva. Dan għaliex iż-żjara mmarkat id-disa’ anniversarju ta’ meta r-Russja għaqqdet lill-Krimea mat-territorji tagħha.