Futbol Sport

Premier League Ingliż: Arsenal iżidu l-vantaġġ b’rebħa ta’ 4-1 fuq Crystal Palace

Arsenal reġgħu fetħu vantaġġ ta’ tmien punti f’ras il-klassifika tal-Premier League b’rebħa kbira, 4-1, fuq Crystal Palace fl-Emirates Stadium.

Din kienet wirja oħra disżastruża għal Palace li jinsabu mingħajr manager mindu keċċew lil Patrick Vieira, bil-Gunners — li qed jittamaw li jsiru Champions tal-Ingilterra għall-ewwel darba mill-istaġun 2003-04 — imorru fil-vantaġġ minn Gabriel Martinelli (28), u li kien is-sitt gowl għall-attakkant Brażiljan f’sitt konfronti tal-league.

Qabel il-mistrieħ, Arsenal irduppjaw meta Bukayo Saka (43) irċieva mingħand Ben White qabel dawwar il-ballun fir-rokna tax-xibka għat-2-0 u minkejja t-tentattivi ta’ Joe Whitworth biex isalva.

Wara l-mistrieħ il-Gunners għamluhom tlieta meta Granit Xhaka (55) mill-ġdid għeleb lil Whitworth b’first-timer, b;’Jeffrey Schlupp (63 ) imbagħad inaqqas il-marġni għal Palace fuq azzjoni ta’ korner.

Fis-74 minuta, Arsenal reġgħu skurjaw b’xutt preċiż ta’ Saka fuq l-assist ta’ Kiernan Tierney u meta huma issa għandhomm 69 punt minn 28 logħbiet — biċ-Champions Ingliżi Manchester City isegwuhom fuq 61 u meta huma lagħbu logħba anqas.