Lokali

San Ġużepp iċċelebrat f’temp mill-isbaħ

Il-Ħadd filgħodu, ir-Rabtin iċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp fit-toroq tar-Rabat. Fid-disa’ ta’ filgħodu ġiet ċelebrata quddiesa Solenni Konċelebrata, mmexxija mill-Kapitlu Metropolitan.

Fil-bidu tal-quddiesa saret preżentazzjoni tax-xemgħa simbolika lil San Ġużepp mis-sindki tar-Rabat u tal-Imdina. Dan filwaqt li mexxa l-paniġeriku Monsinjur Carmelo Mercieca.

Preżenti waqt il-quddiesa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien mas-sinjura tiegħu AnneMarie, kif ukoll il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, flimkien ukoll diversi Deputati Parlamentari Nazzjonalisti.

Fi tmiem din il-quddiesa ċ-ċelebrazzjonijiet għal dan il-jum komplew fit-toroq Rabtin. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-okkażjoni li jiltaqa ma’ diversi familji li kienu qed jiċċelebraw din il-festa.

Iktar tard huwa kien mistieden għar-riċeviment fil-Każin tal-Għaqda L’Isle Adam fir-Rabat stess. Hu ġie mistieden biex jiffirma l-ktieb tal-viżitaturi tal-każin.

Bosta kienu dawk li rringrazzjaw lil Bernard Grech kif ukoll lil bqija tad-deputati tal-ħidma tagħhom partikolarment tul dawn l-aħħar ġimgħat.

Huwa żar ukoll il-Każin tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat fejn hemm diversi persuni komplew jirringrazzjawh iżda fuq kollox iwaslulu messaġġi ta’ kuraġġ bil-għan li jkompli għaddej bit-tmexxija u l-ħidma tiegħu.