Internazzjonali

Trump ma jeskludix li nhar it-Tlieta se jarrestawh

Iħeġġeġ lil partitarji tiegħu sabiex jipparteċipaw f’dimostrazzjonijiet tal-massa

L-eks President tal-Istati Uniti u negozjant Amerikan, Donald Trump, saħaq li qed jistenna li nhar it-Tlieta 21 ta’ Marzu, jiġi arrestat.

Madanakollu l-avukat ta’ Trump saħaq li ma saret l-ebda komunikazzjoni uffiċjali iżda din l-istqarrija hija bbażata kompletament milli l-istess Trump segwa fuq il-midja.

La darba jiġi arrestat u jitressaq il-Qorti, dan ikun episodju storiku fl-istorja Amerikana hekk kif ikun l-ewwel każ kriminali fil-konfront ta’ eks President Amerikan.

Il-każ huwa b’rabta ma’ allegat ħlas li ġie mħallas għan-nom ta’ Donald Trump mit-tim legali tiegħu lill-attriċi tal-films pornografiċi Stormy Daniels qabel l-elezzjonijiet presidenzali tal-2016.

Dan huwa biss wieħed mid-diversi każi li l-eks President ta’ 76 sena qed jiġi investigat dwaru – madanakollu huwa qed jibqa’ jiċħad kwalunkwe allegazzjoni li qed issir fil-konfront tiegħu.

Huwa wiegħed li anke la darba jitressaq b’arrest – xorta waħda se jkompli jikkampanja għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2024.