Lokali Qorti

Bormliż inħeles minn akkużi li jmorru lura 19-il sena f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu

Bormliż li llum għandu 42 sena, ġie lliberat minn kull akkuża fuq każ li jmur lura għal Settembru tal-2004 u baqa’ qatt ma ngħata sentenza. Nazzareno Dalli għadda minn martirju fejn qed jikkunsidra li jiftaħ kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

F’dak li hu jippreżenta rikors għad-danni, fosthom kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, f’każ li jingħata raġun, il-probabbiltà hija li jingħata kumpens ta’ eluf ta’ ewro. Dan il-każ idur ma’ saga ta’ differimenti bil-provi konkreti ma jinġiebu qatt.

Fl-aħħar dehra dwar dan il-każ il-Maġistrat Victor Axiak kellu kliem iebes għall-Pulizija talli f’19-il sena, ma ppreżentatx biżżejjed provi kontra Dalli li kien qed jiġi akkużat bi frodi. Hu kien qed jiġi akkużat li fis-19 ta’ Settembru tal-2004 kien qed juża karti foloz tal-flus f’numru ta’ pompi tal-petrol.

Meta tressaq l-akkużat kellu biss 23 sena, tant li l-akkuża tgħid li għamel użu minn karti foloz tal-flus u li ffroda xi pompi tal-petrol b’inqas minn mitt lira Maltin, jiġifieri aktar minn tliet snin qabel ma’ Malta bdiet tintrouċi l-munita ewro, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar, 2008.

Il-Prosekuzzjoni kienet l-ewwel qed titmexxa mill-Ispettur Ian Abdilla, li aktar tard wara sar Assistent Kummissarju u ġie sospiż fl-2021 b’rabta ma’ nuqqas ta’ azzjoni dwar l-investigazzjonijiet tal-iskandlu tal-Panama Papers, u li dwar dan għadha għaddejja inkjesta fil-Qorti.

Meta xehed Abdilla, il-każ kien f’idejn il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, li għamel kull ma’ seta’ biex imexxi l-każ, iżda wara l-Prosekuzzjoni qalet li l-unika xhieda kienu biss żewġ pulizija, rappreżentant ta’ waħda mill-pompi tal-petrol li ġew iffrodati mill-akkużat u raġel ieħor li kien qed jaffaċċja proċeduri kriminali kontrih.

Dan ir-raġel kellu jixhed fl-2006 imma qal li ma jixtieqx jixhed peress li kien għadu qed jaffaċċja proċeduri kriminali. Il-każ baqa’ jiġi differit peress li l-l-investigazzjonijiet kriminali kontra Dalli komplew għaddejjin.

Fl-2009, il-Prosekuzzjoni qalet li kienet identifikat raġel ieħor li seta’ jixhed imma anke dan ma riedtx jixhed biex ma jinkriminax ruħu peress li hu wkoll kien għaddej minn proċeduri kriminali. Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat, li tenna kien għadu student tal-liġi meta bdew il-proċeduri kriminali, qal li kien hemm seduti li ma sar xejn fihom tant li l-każ spiċċa differit mingħajr data fissa fl-2013 u ġie appuntat għal quddiemu fl-2019.

F’Novembru tas-sena l-oħra, il-Prosekuzzjoni ddikjarat li ma kellha l-ebda xhieda wara li ppreżentat iċ-ċertifikat tal-mewt tar-raġel li kellu jixhed. F’Jannar, l-akkużat qal li ma kienx se jixhed jew jippreżenta evidenza favur tiegħu. Il-Maġistrat sostna li dan huwa każ ieħor fejn il-proċeduri għaddew minn dewmien esaġerat u l-unika xhieda kienet tal-Ispettur innifsu u li l-Prosekuzzjoni setgħet issejjaħ lix-xhieda biex huma jiddikjaraw jekk xtaqux jixhdu.

Il-Maġistrart Axiak sqal li ċ-ċirkostanzi jagħmluha ċara li r-raġel għandu jinħeles minn kull akkuża fuq nuqqas ta’ evidenza. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu l-avukati ta’ Dalli.