Internazzjonali

Credit Suisse: Falliment li tappan ir-reputazzjoni għall-istabbilità tal-banek Żvizzeri

L-ishma fil-banek tal-Ewropa tilfu mill-valur fl-aħħar sigħat wara li l-bank ta’ Credit Suisse spiċċa salvat fost it-taqlib li karatterizza lis-settur bankarju internazzjonali fl-aħħar jiem.

Il-falliment ta’ Credit Suisse qed jitqies bħala żvilupp li tappan ir-reputazzjoni għall-istabbilita tal-banek Żvizzeri u fl-aħħar sigħat, dan il-bank inxtara mill-UBS – eks-kompetitur u bank ewlieni ieħor f’dan il-pajjiż – bħala parti minn pakkett ta’ salvataġġ ekwivalenti għal kważi tliet biljun ewro.

Ix-xiri tal-Credit Suisse kienet ikkonfermata għal frazzjoni tal-valur tiegħu fis-suq qabel tmiem il-ġimgħa — bil-valuri tal-ishma fl-UBS anki jinżlu bi 13 fil-mija qabel laħqu rkupraw fl-aħħar sigħat. Jidher ukoll, intant, li bdew jirkupraw l-indiċi fl-Ewropa u r-Renju Unit wara tnaqqis fil-valur tal-ishma fl-Asja.

Il-kriżi ta’ fiduċja fis-settur bankarju kienet riflessa anki fil-kroll, jiem ilu, tas-Silicon Valley Bank fl-Istati Uniti, Iżda minkejja t-taqlib tal-aħħar ġimgħat fis-swieq bankarji, l-esperti mhumiex ibassru ripetizzjoni tal-kriżi finanzjarja storika tal-2008 li ħalliet impatt kbir madwar id-dinja.