Internazzjonali

Franza: Il-Gvern ta’ Macron jirnexxilu jegħleb il-voti ta’ sfiduċja

Il-Gvern Franċiż, irnexxielu jegħleb l-ewwel vot ta’ sfiduċja relatat mad-diżgwid ‘fuq livell nazzjonali’ relatat mar-riforma kontroversjali fil-qasam tal-pensjonijiet.

Il-vot imressaq mid-deputati taċ-ċentru kellu l-appoġġ ta’ 278, jiġifieri anqas mill-287 voti meħtieġa biex jgħaddi mill-Parlament ta’ Pariġi.

Li kieku rnexxiet il-mozzjoni ta’ dawn id-deputati, il-President Franċiż Emmanuel Macron kien ikollu jaħtar Gvern ġdid inkella jsejjaħ elezzjonijiet bikrija fi Franza.

Aktar tard, fl-Assemblea, ittieħed vot ieħor dwar tieni mozzjoni ta’ sfiduċja mressqa mill-Partit tar-Rally Nazzjonali — entità estremista tal-lemin immexxija minn Marine Le Pen — u li wkoll ma kisbitx biżżejjed voti.

Fil-fatt, kienet l-ewwel mozzjoni — appoġġjata minn diversi partiti tax-xellug u l-Partit Soċjalista — li kellha l-akbar ċans li tirnexxi u meta s-sitwazzjoni, issa, titlob biex l-abbozz li jirrikjedi li l-età tal-irtirar għall-Franċiżi titla’ minn 62 għal 64 sena jidħol fis-seħħ bħala liġi,.

Il-protesti tal-massa fit-toroq ma’ naqsux mindu l-Prim Ministru ta’ Franza, Élisabeth Borne, irrikorriet għal artiklu  49:3 tal-Kostituzzjoni biex tgħaddi l-abbozz mingħajr vot fl-Assemblea u fost l-għadab ta’ ħafna mid-deputati.

U li kieku rnexxew dawn il-mozzjonijiet kellu jkun hemm il-konsegwenzi għall-pożizzjonijiet tal-Prim Ministru Borne u l-Gvern ta’ Macron – għalkemm lanqas f’dan ix-xenarju ma kien  hemm il-possibbiltà li Macron jispiċċa minn President ta’ Franza.