Internazzjonali

Franza: Il-Gvern ta’ Macron illum jiffaċċja l-voti ta’ sfiduċja

France's President Emmanuel Macron waits to welcome Britain's prime minister on the occasion of the 36th Franco-British bilateral summit at the Elysee Palace, on March 10, 2023. (Photo by Emmanuel DUNAND / AFP)

Il-Gvern Franċiż, il-lejla, se jiffaċċja żewġ voti ta’ sfiduċja fost it-tensjoni relatata mar-riforma kontroversjali fil-qasam tal-pensjonijiet li, fost oħrajn, għandha żżid l-età għall-irtirar minn 62 għal 64 sena.

Dan ukoll meta l-protesti fit-toroq ma’ naqsux mindu l-Prim Ministru ta’ Franza, Élisabeth Borne, irrikorriet għal artiklu  49:3 tal-Kostituzzjoni biex tgħaddi l-abbozz mingħajr vot fil-Parlament u fost l-għadab ta’ ħafna mid-deputati.

Intant, il-mozzjonijiet ta’ sfiduċja fil-Gvern tal-President Emmanuel Macron tressqu mid-deputati taċ-ċentru, kif ukoll mill-Partit għar-Rally Nazzjonali ( magħmul mill-estremisti tal-lemin). Il-Parlament Franċiż għandu jibda jiddelibera dawn il-mozzjonijiet minn hawn u ftit sigħat oħra.

F’każ li l-mozzjonijiet jirnexxu għandu jkun hemm il-konsegwenzi għall-pożizzjonijiet tal-Prim Ministru Borne u l-Gvern. Madankollu ma jidhirx li hemm il-possibbiltà li Macron jjrriżenja minn President f’dan ix-xenarju.

Fil-fatt, jekk il-mozzjonijiet ikunu approvati, Macron ikun jista’ jaħtar Gvern ġdid jew ixolji lill-Parlament u jsejjaħ elezzjonijiet bikrija fi Franza. Fl-istess ħin, l-abbozz għar-riformi fil-pensjonijiet għandu jispiċċa annullat f’każ li jgħaddu l-mozzjonijiet inkwistjoni.

Jekk imbagħad il-mozzjonijiet ma jgħaddux, l-abbozz għaż-żieda fl-età għall-irtirar mix-xogħol għandu jidħol fis-seħħ bħala liġi.

Min-naħa tiegħu, il-President Macron għadu jinsisti li l-Istat mgħadux jiflaħ għall-iskema attwali tal-pensjonijiet minħabba l-ammont kbir ta’ pensjonanti u ċittadini li waslu biex jirtiraw mix-xogħol.

Iżda ħafna deputati f’Pariġi mgħandhomx l-istess fehma bħall-President waqt li jemmnu li l-pajjiż jista’ joħroġ biss mill-kriżi soċjali u politika jekk kemm-il darba ‘jitneħħa l-Gvern preżenti’.