Lokali

Il-Gvern jinduna li ma kienx qed jagħti widen liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin – PN

Hekk kif illum il-Gvern ta Robert Abela ħabbar li se jitwaqqaf Forum Konsultattiv għaż-Żgħażagħ, il-Partit Nazzjonalista jħoss li dan il-Forum messu ilu li twaqqaf minn meta ħareg l-ewwel studju professjonali, li stabbilixxa li 70% taż-żgħażagħ kienu jippreferu li jmorru jgħixu barra minn Malta.

Hekk qalet Bernice Bonello il-Kelliem għaż-Żgħażagħ u l-Fondi Ewropej fejn permezz ta’ stqarrija l-Partit Nazzjonalista jtenni li t-temi prinċipali li jitkellmu dwarhom iż-żgħażagħ jafhom kulħadd. Fost dawn insibu l-prezzijiet għoljin ferm biex iż-żgħażagħ jakkwistaw propjetà li jkunu jistgħu jibnu l-familja ġdida tagħhom, l-għoli tal-ħajja, l-ambjent, l-ispazji miftuħin, it-traffiku, ix-xogħlijiet ta’ kwalità, niċeċ ġodda f’setturi specjalizzati, aktar investiment fl-edukazzjoni u postijiet tad-divertiment siguri u bla biża’.

Il-karbiet taż-żgħażagħ jafhom kulhadd u ghalhekk, minkejja li dan il-Forum Konsultattiv hu pass fid-direzzjoni t-tajba, tispera li dan il-Forum iservi bħala pjattaforma ta’ diskussjoni serja u effettiva biex nibdew naraw it-tibdil f’pajjiżna u ż-żgħażagħ tagħna jħossuhom kburin u komdi li jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna.

Ikun żball kbir jekk dan il-Forum jintuża bħala paraventu tal-Gvern biex taparsi jkunu qed jikkonsultaw liż-żgħażagħ.
Barra minhekk, iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin iridu s-soluzzjonijiet għall-problemi tagħhom u għalhekk, jistennew mingħand il-Gvern li jibda jindirizza mingħajr aktar dewmien dak li ilhom jitkellmu fuqu fl-aħħar snin.

Jekk dan il-Forum Konsultattiv għaż-Żgħażagħ se jservi verament biex tibda tinstema’ l-vuċi taż-żgħażagħ Maltin u Għawdin, il-Partit Nazzjonalista lest jipparteċipa u jgħin biex dan l-eżerċizzju jkun suċċess, kemm għal pajjizna kif ukoll għaż-żgħażagħ tagħna.