Internazzjonali

Ir-Russja: Għajnejn il-Punent fuq iż-żjara ta’ Xi Jinping f’Moska

Il-potenzi tal-Punent mill-ġdid qegħdin iwissu liċ-Ċina biex ma tipprovdix l-armamenti lir-Russja li bihom tkun tista’ żżid l-attakki fuq iċ-ċivili fl-ibliet tal-Ukrajna. Dan meta l-qawwiet tal-Kremlin qed ikomplu bl-offensiva fuq Bakhmut u bliet oħrajn fit-territorji Ukreni tal-lvant.

It-twissija ngħatat enfasi partikulari meta bħalissa, il-President Ċiniż, Xi Jinping, jinsab għaddej bi żjara f’Moska fejn qed ikollu taħditiet mal-President Russu Vladimir Putin. Is-sinifikat taż-żjara mhux mitluf mal-Punent għaliex filwaqt li Xi Jinping qed jgħid li jrid jippromwovi r-rabtiet bilaterali ma’ Moska, il-politika ta’ Beijing għandha jkollha wkoll ir-riperkussjonijiet għall-konflitt tal-Ukrajna li ilu għaddej aktar minn sena.

Filwaqt li ċ-Ċina qed tgħid li hi newtrali f’din il-gwerra, l-osservaturi qed jistennew biex jaraw jekk Xi Jinping jippruvax iħeġġeġ lil Putin biex jikkonkludi l-konflitt mill-aktar fis inkella jekk hu ‘jinsistix’ b’mod indirett biex il-Kremlin iżid l-offensiva fuq l-ibliet Ukreni.

Fl-aħħar sigħat, il-Gvern f’Beijing ma ta l-ebda ħjiel ta’ x’jista’ qed ikun diskuss f’Moska u meta t-taħditiet formali  ewlenin bejn dawn il-mexxejja hi programmata għallum, it-Tlieta. Dan waqt li l-kelliema Ċiniżi sostnew li ż-żjara hi intiża għat-tkattir tal-paċi u ħbiberija u li matulha, Xi Jinping u Putin se jiddiskutu ‘kooperazzjni strateġika akbar u partnership komprensiv bħala Alleati kbar’.

Din hi wkoll l-ewwel żjara ta’ Xi Jinping fir-Russja mindu t-truppi tal-Kremlin invadew lill-Ukrajna fl-2022 u qed issir ftit jiem biss wara li l-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġet mandat għall-arrest tal-President Putin b’konnessjoni ma’ allegat reat tal-gwerra.

Ftit tal-ġimgħat ilu, iċ-Ċina offriet il-proposti għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna u li ma ntlaqgħux b’wisq entużjażmu mill-Punent, li kompla jisħaq biex Beijing ‘taħt l-ebda ċirkustanzi’ ma tagħti l-armamenti lir-Russja.