Internazzjonali

L-Ukrajna: Ir-Russja tħallas il-prezz qares tal-gwerra f’ħajjiet mitlufa

KHARKIV, UKRAINE - MAY 9: (EDITORS NOTE: Image depicts death) Russian soldiers' grave in Vilkkhivka, near Kharkiv (Ukraine), 9 May 2022 Diego Herrera Carcedo / Anadolu Agency/ABACAPRESS.COM Dostawca: PAP/Abaca

Ir-rapporti mingħand is-sorsi barranin qed jindikaw li r-Russja sallum tilfet ‘il fuq minn 165,000 suldat mindu l-qawwiet tagħha invadew lill-Ukrajna fis-26 ta’ Frar tal-2022.

Intant, il-militar Ukren qal li l-qawwiet Russi reġgħu tilfu ‘talanqas 700 suldat ieħor’ f’perjodu ta’ 24 siegħa u meta l-Kapijiet militari tal-Kremlin qed ikomplu jattakkaw il-pożizzjonijiet difiżi mill-Ukreni bil-massa tas-suldati, imlaqqmin bħala ‘mewġ uman’.

Wieħed, issa, irid jara jekk dan it-telf ta’ suldati għar-Russja hux sostenibbli għat-tul taż-żmien. Fl-istess ħin, il-Ministeru tad-Difiża Britanniku  saħaq li sa 30,000 suldat Russu tilfu ħajjithom waqt l-attentat biex jieħdu f’idejhom il-belt   ta’ Bakhmut, lejn il-lvant tal-Ukrajna, u meta l-battalja qed tidher ‘il bogħod minn konklużjoni wara xhur ta’ dmija. 

Sadanittant, it-‘think thank’ militari bl-isem Institute for the Study of War qed jgħid li falliet diġà l-offensiva ‘tar-Rebbiegħa’ tar-Russja u li kienet intiża lejn il-ħtif ta’ aktar artijiet tal-Ukrajna. L-esperti spjegaw li l-offensiva ‘weħlet’ qabel setgħet tingħata spinta u li l-pjan ta’ Putin biex jirrekluta mat-300,000 truppi addizzjonali għal din il-gwerra ma ħalliex l-impatt mixtieq.

Dan ukoll meta l-avvanzi tal-qawwiet Russi fiz-zoni tal-gwerra tal-Ukrajna kienu kważi negliġibbli fl-aħħar ġimgħat u meta d-difiżi tal-Ukreni għadhom qegħdin jidhru sodi u b’saħħithom.