Lokali Qorti

Minn sitt snin ħabs għal sentejn fuq traffikar ta’ droga mill-appell

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri naqset sentenza ta’ sitt snin ħabs għal waħda ta’ sentejn priġunerija wara li laqgħet parti mill-appell ta’ Susan Bugeja ta’ 55 sena, li fl-2019 instabet ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati li kwazi 10 snin ilu ttrafikat id-droga qrib skola f’Għajnsielem, Għawdex. Dan wara li qieset fost affarijiet oħra li kollox jindika li baqgħet miexja fit-triq it-tajba.

Minbarra sitt snin ħabs kienet ngħatat €5,000 multa, li ġiet ikkofermata fl-appell u ordnata tħallas €1,300 fi spejjeż tal-Qorti. Il-każ seħħ fl-14 ta’ Lulju tal-2013 fi Triq Għajnsielem, madwar 100 metru bogħod minn skola. Fl-appell tagħha kienet ilmentat li fost l-oħrajn l-iskola ta’ fejn seħħ il-każ, hija tal-Ingliż u tilqa’ adulti u mhux lit-tfal jew liż-żgħażagħ.

Bugeja qalet ukoll, li dak iż-żmien kienet għaddejja minn żmien ħażin minħabba ċirkostanzi familjari u li b’hekk kienet dipendenti fuq id-droga. Fuq dan il-punt il-Qorti qalet li ma jiġġustifikax il-fatt li hija nqabdet tbigħ id-droga lil żgħażagħ u oħrajn.

Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li tifhem li l-akkużata kienet għaddejja minn żmien mhux tajjeb minħabba ċirkostanzi familjari tagħha pero’ dan waħdu ma jnaqqasx ir-responsabilita’ tagħha u ma jiġġustifikax dak li għamlet. Xejn ma għandu jnessiha li kienet qed tbiegħ sustanzi illeċiti lil żgħażagħ u oħrajn.

Fl-istess waqt li l-Qorti hija tal-fehma li apparti li għandu jittieħed in konsiderazzjoni l-ammont ta’ droga nvolut u li l-appellanta tressqet il-Qorti fuq ir-reati addebitati lilha 10 snin ilu u li minn dakinhar sallum il-fedina penali tagħha baqgħet waħda kompletament nadifa, għandu jittieħed ukoll in konsiderazzjoni dak li jirriżulta, fost l-oħrajn, mid-depożizzjoni mogħtija mill-Psikjatra Dr. Joseph Spiteri, mill-Psikjatra Dr. Mark Xuereb, kif ukoll dak li jirriżulta fis-Social Inquiry Report mill-Uffiċjal tal-Probation Anabel Bugeja, l-Qorti laqgħet parti mill-apell tagħha u għalhekk varjat il-piena.