Lokali

€3,500 multa għal Albaniż li ma riedx jixhed kontra l-aħwa Muka

Albaniż ta’ 30 sena li f’nofs Frar li għadda ġie kundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta li fil-5 ta’ Ottubru tal-2017 assista u għen b’xi mod lill-ħallelin biex jikkommettu serqa ta’ ġojjellerija li kienet tlaħħaq mat-€333,000 ġie mmultat mill-Qorti €3,500 talli ma riedx jixhed kontra Daniel Muka u ħuh Begtash Muka li qegħdin jiġu mixlijin ukoll bis-serqa.

Aktar kmienu dan ix-xahar Artan Coku kien tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq mixli li nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Marzu u l-għada il-Ħamis, 9 ta’ Marzu li għadda quddiem żewġ Maġistrati li qed jisimgħu l-kumpilazzjoni b’mod separat fil-konfront tal-aħwa Muka għażel li ma jixhidx fil-konfront tagħhom.

Il-fatt li wieħed ma jridx jixhed u ma jġibx raġuni tajba biżżejjed hu reat skont il-liġi bil-Qorti ssibu ħati fuq dan in-nuqqas. Coku qal li kien qed jibża’ jagħti d-depożizzjoni tiegħu fik-Qorti. Coku kellu f’idejh il-loġistika tas-serqa fejn fost affarijiet oħra kellu jiċċekkja jekk l-ħanut Diamonds International f’Tignè Point kienx fetaħ u għalhekk jinforma lill-ħallelin. Il-Qorti fis-sentenza tagħha kienet qieset il-fatt li Coku għen lill-Pulizija fejn minn jeddu ta nformazzjoni utli dwar kif seħħet il-“hold up.”

Il-Qorti kienet ordnat ukoll lill-ħati biex iħallas aktar minn €14,500 li jiġu terz mill-ispejjeż tal-Qorti li kellhom jintefqu fuq diversi esperti li nqabdu dwar dan il-każ. Ħareġ ukoll li ħsarat li saru u spejjeż biex jissewwew l-affarijiet fil-ħanut qabżu l-€65,000. Peress li Muka dan għall-perjodu twil il-ħabs, huwa kien diġa skonta s-sentenza u għalhekk sar bniedem liberu u kien se jħalli Malta.

Madankollu l-Pulizija kienet żammitu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni biex jixhed fil-każ tal-aħwa Muka. Imma meta ttella biex jixhed fiż-żewġ okkażjonijiet qal li ma jridx jixhed kontrihom. Aġir bħal dan huwa reat skont il-liġi. Għaldaqstant sakemm ingħatat is-sentenza t-Tlieta, huwa nżamm fiċ-ċentru ta’ detenzjoni.

Coku kien ammetta li għen fil-loġistika dwar kif kellu jsir il-hold-up lill-ħallelin, Daniel Muka, ħuh Begtash u Ramazan Hysa li għadhom għaddejjin proċeduri fuq serqa li kienet tikkonsisti f’dehbijiet u ġojjelli, u li skont dak li qal lill-Pulizija Coku, dawn kellhom jintbagħtu Bari, l-Italja biex wara jinbiegħu l-Albanija.

Daniel Muka jinsab mixli wkoll bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski fid-dar tagħhom f’Tas-Sliema f’Awwissu tal-2020. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti dwar is-serqa kienet għarblet sew tliet stqarrijiet li Coku ta lill-Pulizija wara li sema’ li fil-‘hold-up’ kien indarab uffiċjal tas-sigurtà. Coku u Muka kienu ġew arrestati mill-Pulizija wara inċident li seħħ f’Paceville.

Coku kien qal lill-Pulizija fuq il-ħbiberija li kellu ma’ Muka, li skont hu kien il-moħħ wara din is-serqa u kien ilu jippjanah bejn sitt xhur u sena. Qal lill-Pulizija wkoll li fis-serqa kien hemm involuti wkoll ħu Muka u Hysa. Fid-Depot Coku qal li fil-ġurnata tal-‘hold-up’, Muka bagħtu Tignè biex jagħtihom sinjal b’għajnejh li l-ħanut kien miftuħ.

Tenna mal-uffiċjali tal-Pulizija li kien mar fuq il-post b’tal-linja għax ried iħaffef iżda meta wasal, is-serqa kienet diġà saret għax sab persuna mal-art fil-bieb tal-ħanut u ħafna ħġieġ. Fis-serqa, Muka u ħuh użaw parrokki u żebgħu wiċċhom biż-żebgħa. Skont Coku, Muka għażel il-ħanut ta’ Diamonds International għax kien jaf li kellu aktar oġġetti minn fejn jisraq.

Fatt importanti li l-ħati stqarr mal-Pulizija kien li Muka kien qallu li kienu hu u ħuh li sparaw għax l-uffiċjal tas-sigurtà u li dan ma kienx waqaż mal-art mill-ewwel. Qallu wkoll li kien laqtu u li ħuh spara l-aktar biex ibeżża’. Muka kien qallu wkoll li s-serqa saret għax kien hemm ħafna djun tal-familja tiegħu u kien hemm nies jistennew joqtlulu l-familja fl-Albanija. Sadanittant Muka kien qallu li se jagħtih xi flus, iżda ma ħa xejn mis-serqa.

L-Ispettur Mark Mercieca kien xehed dwar l-investigazzjoni dwar l-‘hold up’ fejn qal li kien mar mill-ewwel fuq il-post fejn kien hemm diversi kollegi minn setturi diversi tal-Pulizija. Qal li kien hemm ħsara estensiva kif ukoll persuni midruba.

Fid-9 ta’ Ottubru 2017 kienu nstabu fil-gnien ta’ wara l-OK Limited il-Gżira diversi kaxxi ta’ l-ġojjelli vojta u anki ħwejjeġ imċappsin bid-demm u parrokki u diversi basktijiet mimlija foil. Fit 12 ta’ Ottubru 2017 ġew arrestati Daniel Muka u Artan Coku wara inċident li seħħ Paceville. Fl-14 ta’ Ottubru 2017 gie mitkellem minnu u l-Ispettur Carlos Cordina, Artan Coku li spjega l-involviment tiegħu u għen lil Pulizija sabiex jinstab senter li intuża fl-inċident.

L-istima tal-gojjelli misruqa kellha total ta’ €333,499.39. Il-Prosekuzzjoni dejjem tmexxiet mis-Supretendent James Grech. Għal Corku deher l-Avukat Gianluca Cappitta filwaqt li għal Daniel Muka qed jidher l-Avukat David Bonello. Għal Begtash Muka qed jidher l-Avukat Daniel Attard.