Internazzjonali

Franza: Tkompli r-rabja għar-riformi fil-pensjonijiet fi żmien diffiċli għal Macron

Il-poplu Franċiż mill-ġdid esprima r-rabja tiegħu għall-Gvern wara li dan għeleb iż-żewġ voti ta’ sfiduċja fil-Parlament u għal riżultat li jfisser li l-abbozz kontroversjali dwar iż-żieda fl-età tal-irtirar mix-xogħol irid jidħol bħala liġi.

Sadanittant, il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qed jipprova jaħdem  fuq ir-riformi fis-settur tal-pensjonijiet  li qegħdin jurtaw daqshekk lill-poplu. Dan meta hu mhux jippjana biex iwettaq xi reshuffle fil-Gvern inkella jiddikjara elezzjonijiet bikrija b’kaġun ta’ din il-kriżi politika.

Fl-istess ħin, ir-rabja qed tiżdied fost il-Franċiżi wara li hu, mill-ġdid, elimina kull possibbiltà li jwarrab il-liġi ġdida għall-pensjonijiet li żżid l-eta tal-irtirar għall-poplu minn 62 għal 64 sena,  Intant, is-sorsi qrib il-Presidenza qalu li Macron se jipprova juża intervista li għandha ssir dalwaqt biex jipprova jikkalma l-irjus f’din is-sitwazzjoni diffiċli.

Wara l-falliment tal-voti ta’ sfiduċja (fil-Gvern) fl-Assemblea Nazzjonali ta’ Pariġi, il-unions Franċiżi qed jirrankaw l-impenji għal aktar protesti u azzjonijiet industrijali madwar il-pajjiż. Fil-fatt, Macron qed jiffaċċja l-aktar sfida perikoluża għall-awtorità tieħu miż-żmenijiet tal-protesti tad-dimostranti tal-‘Ġgieget Sofor’, li kienu saru erba’ snin ilu fil-pajjiż.

Fl-istess ħin, il-konsulenti tal-President qed iwissuh biex juri li hu sensittiv  għall-inkwiet tal-poplu u biex ma jinsistix bil-politika ta’ ‘business as usual’.

Diversi setturi ta’ ħaddiema Franċiżi ilhom il-ġimgħat jipprotestaw fit-toroq kontra l-‘intransiġenza’ tal-Gvern u speċjalment fl-aħħar jiem — wara li l-Prim Ministru ta’ Franza Élisabeth Borne għaddiet l-abbozz dwar il-pensjonijiet mingħajr ma ttieħed vot fl-Assemblea ta’ Pariġi.

L-għadab tal-ħaddiema għal din ir-riforma, intant, kien rifless mill-partiti fl-Oppożizzjoni li ressqu voti ta’ sfiduċja fil-Gvern – b’mozzjoni partikulari titressaq mill-partiti tax-xellug u l-Partit Soċjalista. Il-mozzjoni l-oħra tressqet titressaq mill-estremisti tal-lemin li jiffurmaw il-Partit tar-Rally Nazzjonali ta’ Marine le Pen li tilfet l-aħħar elezzjoni għall-Presidenza fil-konfront tal-President Macron.

Il-falliment tal-mozzjonijiet, intant, iġġenera protesti kbar ġodda f’Pariġi u li fihom spiċċaw arrestati l-għexieren tad-dimostranti wara sensiela ta’ konfronti mal-pulizija matul il-lejl tat-Tnejn. Dan wara li d-dimostranti reġgħu għalqu l-aċċessi lejn iċ-ċentru ta’ Pariġi waqt li qabbdu n-nirien fil-kapitali – b’dimostrazzjonijiet simili ta’ għadab isiru wkoll fi bliet oħrajn ta’ Franza.

Sadanittant, diversi deputati tax-xellug fil-Parlament Franċiż xorta huma determinati li jagħmlu li jistgħu biex il-Gvern jirtira r-riformi fil-pensjonijiet. Fl-istess ħin, kelliema għad-dimostranti qalu li ‘qed jitmexxew minn Gvern li ma jismax l-ilmenti ta’ poplu li ma jimpurtahx minnu’.