Lokali

Il-Ministru Roderick Galdes jaħrab milli jwieġeb dwar deċiżjonijiet li ħa

Joseph Muscat sostna li kull deċiżjoni dwar Vitals u Steward ittieħdet bil-barka tal-Kabinett

Il-Ministru Roderick Galdes qalilna li l-Gvern qed jimxi bi trasparenza b’rabta mad-deals frawdolenti ta’ Vitals u Steward…..iżda jinsab skomdu immens sabiex jispjega għaliex hu kien wieħed minn dawk li approva t-trasferiment tat-tlett sptarijiet minn idejn Vitals Global Healthcare…għal għand Steward Healthcare.

Fis-sentenza mgħotija mill-Imħallef Francesco Depasquale, f’paragrafu 506 – jingħad ċar u tond li l-Gvern ta’ Malta kien obbligat li ma jaċċettax kwalunkwe trasferiment bejn Vitals u Steward minħabba l-fatt li l-VGH ma kienu laħaqu ma ebda obbligu. U għaldaqstant il-Gvern kellu jitlob riċessjoni tal-kuntratti kollha. Iżda minflok, il-Kabinett sħiħ….inkluż fost oħrajn il-Ministru Galdes u saħansitra l-Prim Ministru attwali Robert Abela….qablu li jsir dan.

Kif saħaq Joseph Muscat fl-aħħar jiem meta qal li kollox sar bil-barka tal-kabinett tiegħu.

Għaldaqstant it-Tlieta waranofsinhar Net News staqsa lill-Ministru Galdes għalfejn ta din l-approvazzjoni, u min se jerfa’ responsabbiltà ta’ dan l-għemil.

Roderick Galdes għażel li ma jweġibx id-domandi u stqarr li l-Gvern qed ikun trasparenti…filwaqt li b’mod surreali saħaq illi jekk jirriżulta li kien hemm ċenteżmu li l-istat ħareġ għalxejn, se jitlobhom lura.

Madanakollu meta Net News insista biex il-Ministru Galdes iwieġeb għalfejn hu appoġġja t-trasferiment kundannat mill-Qorti, Galdes għażel li jħalli l-konferenza tal-aħbarijiet.