Lokali

Il-PN b’apprezzament għall-ħidma tal-Ħaddiema Soċjali

L-21 ta’ Marzu hi l-ġurnata ddedikata għall-professjoni tas-Social Work u għall-Ħaddiema Soċjali, professjoni li hi regolamentata mill-Att dwar il-Professjoni tax-Xogħol Soċjali (Kap 468, Artikolu 2).

Fi stqarrija li nħarġet mid-deputati tal-Partit Nazzjonalista, David Agius, il-Kelliem għall-Politika Soċjali, u Graziella Attard Previ, il-Kelliema għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal għal din l-okkażjoni, huma tennew l-apprezzament tagħhom għall-ħidma li dawn il-ħaddiema jagħmlu ta’ kuljum ma’ eluf ta’ persuni f’pajjiżna li jkunu għaddejjin minn sfidi varji.

Dawn il-ħaddiema, li flimkien ma’ professjonisti oħrajn qed ikunu strumentali biex jinħoloq aktar sapport dirett li permezz tiegħu jkunu mwieżna persuni vulnerabbli. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm bżonn ta’ aktar għarfien dwar il-valur tal-ħidma li qed tkun imwettqa mill-Ħaddiema Soċjali biex ikun hemm aktar apprezzament lejn din il-professjoni, kif ukoll għall-ħidma imwettqa, li fil-maġġorazza tal-każi ssir fis-skiet mingħajr ħadd ma jinduna.

Ix-xogħol imwettaq ħafna drabi jsir f’ċirkostanzi ta’ realtajiet ta’ tbatija u uġigħ kbir, li fost l-oħrajn jinkludi l-faqar, trawmiet kbar, abbandun u ċirkostanzi iebsin oħrajn. Realtajiet li, grazzi għall-ħidma kontinwa u b’dedikazzjoni kbira, jkunu indirrizzati b’interventi diretti li ma jkunu faċli xejn.

Filwaqt li qed jirrikonoxxi l-ħidma tal-Ħaddiema Soċjali, il-Partit Nazzjonalista jinsab konċernat għar-realtà li fiċ-ċirkostanza preżenti mhux qed ikun hawn ħaddiema biżżejjed biex ilaħħqu mad-domanda kbira tas-soċjetà. Realtà li nħolqot għax il-professjoni mhix tattira biżżejjed studenti, filwaqt li Ħaddiema Soċjali gradwati u “warranted” jitilqu mix-xogħol tagħhom wara numru ta’ snin.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-awtoritajiet u l-istakeholders ewlenin biex b’mod urġenti, jindirizzaw in-nuqqasijiet li qed iwasslu għal din iċ-ċirkostanza, b’diversi inizjattivi u investiment kemm fl-immedjat kif ukoll għaż-żmien li ġej.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li hemm bżonn ta’ pjan ċar li jsir bejn l-istakeholders kollha biex aktar studenti jkunu mħajra jidħlu għall-korsijiet b’rabta mal-professjonijiet soċjali, filwaqt li hemm bżonn urġenti ta’ pjan ta’ tisħiħ ta’ opportunitajiet għall-Ħaddiema Soċjali preżenti, li jvarja minn possibbiltà ta’ progress fil-karriera filwaqt li jibqgħu frontliners, assistenza u appoġġ fil-ħidma li jwettqu u tisħiħ fil-paga.

Jekk dan il-pjan ma jkunx qed isir bis-serjetà u b’mod immedjat, se nkomplu naffaċċjaw problemi fil-proviżjoni tas-servizz professjonali tas-Social Work, li fl-aħħar mill-aħħar iservi lill-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-gratitudni tiegħu lejn il-persuni kollha li qed jaħdmu fis-settur soċjali u li bihom ikunu salvati diversi ħajjiet. Persuni li ta’ kuljum qed ikunu disponibbli biex jassistu u jisimgħu realtajiet diffiċli mimlija tbatija. Ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista jgħid grazzi u jwiegħed l-impenn sħiħ tiegħu b’appoġġ għall-professjonisti soċjali kollha kemm huma.