Lokali Qorti

Il-Prim Ministru jibqa’ jwebbes rasu dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia

Ritratt: Matthew Tabone
Robert Abela ma jridx jiftaħ inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia akkost ta’ kollox

Ir-ras iebsa tal-Prim Ministru Robert Abela kompliet tispikka wara l-laqgħa tal-Kabinett tat-Tnejn meta kien mistoqsi għal darba, tnejn, tlieta mill-ġurnalisti dwar l-insistenza tiegħu li jinjora għalkollox it-talba tal-familja ta’ Jean Paul Sofia – b’Abela qed jinsisti li ma jiftaħx inkjesta pubblika dwar il-mewt tiegħu meta kkollassat binja fit-3 ta’ Diċembru li għadda.

Kwalunkwe spjegazzjoni li pprova jagħti lill-familja permezz tal-mezzi tax-xandir jidher li ma niżlet tajjeb xejn mal-qraba taż-żagħżugħ, bil-Prim Ministru kull darba jirreferihom għal-laqgħa ta’ siegħa u nofs li kellu magħhom ftit tal-ġimgħat ilu li fiha jgħid li ma qabilx mal-familja dejjem.

Fl-istess nifs, biex ikompli jitfa’ l-melħ fuq il-ferita, Robert Abela qal li jinsab imnikket li hemm nies responsabbli li għadhom jiġru barra. Dan meta l-Pulizija setgħet faċilment tipproċedi, kif sar fil-każ ta’ Miriam Pace meta ġew arrestati 4 persuni u tressqu l-Qorti immedjatament. Iżda fil-każ ta’ Kordin, dan kollu ma sarx.

 “Jiddispjaċini li wara 4 xhur, hemm nies responsabbli li għadhom qed jiġru barra minflok fil-Qorti fil-fora kriminali u ċivili.”

Dan il-kumment tal-Prim Ministru jwessa’ l-attakk tiegħu fuq il-ġudikatura, partikolarment fuq il-Maġistrat Inkwirenti, Marseann Farrugia, mingħajr ma jerfa’ l-ebda responsabbiltà politika fuqu ta’ dak li ġara f’termini ta’ policy u infurzar tant illi stqarr li hu m’għandu xejn x’jaħbi meta mistoqsi jekk għandux x’jaħbi dwar dan il-każ.

Biex b’hekk, il-Prim Ministru jkompli jinħeba wara l-Maġistratura flok jagħti widen lill-familja ta’ Jean Paul Sofia li ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tappella lill-Gvern ta’ Robert Abela biex jaħtar inkjesta pubblika sabiex tkun magħrufa l-verità kollha u nsiru nafu min huwa verament responsabbli ta’ dak li seħħ f’din il-binja f’Kordin.