Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ħebb għal ommu u kkaġuna biża’ fuq il-ġenituri

Raġel ta’ 36 sena, residenti Ħal Lija inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana mixli li nhar il-Ħadd u anke qabel mingħajr ħsieb li joqtol ikkommetta ġrieħi ħfief fuq ommu u li kkaġuna biża fuqha u fuq missieru, t-tnejn persuni anzjani.

Il-Prosekuzzjoni qalet li huwa tressaq wara li l-ġenituri tiegħu kontra qalbhom għamlu rapport dwar dak li allegatament seħħ fejn qalu li għandu problema ta’ rabja, u li jekk ikun irid xi ħaġa u ma jaqblux miegħu jsir vjolenti.

L-akkużat li ismu ma jistax jissemma biex jiġu protetti t-tliet uliedu li jgħixu mal-ġenituri tiegħu, hu qal lill-Qorti li jbati minn depression. L-Avukat Victor Bugeja li deher bħala avukat tal-għajnuna legali għamel talba għall-ħelsien mill-arrest li sabet oppożizzjoni mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar u dan minħabba l-biża ta’ intraċċ tal-provi u l-fatt li għandu xi annimali għand il-ġenituri tiegħu u li hemm bżonn li xi ħadd biex jieħu ħsiebhom.

L-akkużat qal li ma jaħdimx fejn spiċċa dan l-aħħar wara li twaqqaf mill-kuntrattur li kien jimpjegah bid-dipressjoni tiegħu tiggrava. Dwar il-ħelsien mill-arrest l-avukat tiegħu qal li hu għandu fejn imur jgħix, għaliex hu ovvju li mhux se jmur jgħix mal-ġenituri tiegħu.

“Jien se nispiċċa ġewwa? l-annimali hemm bżonn li nieħu ħsiebhom, alla ħares ma jkunux huma għad-depression,” instema’ jgħid l-akkużat, li qal ukoll li għandu l-OCD u huwa ‘hyper active.’

L-Ispettur Buhagiar qalet li meta kien arrestat hu qal ukoll li ma riedx imur għand it-tfajla, bl-akkużat jgħid lill-avukat tiegħu, li issa s-sitwazzjoni hi differenti, qal li l-familja tat-tfajla tiegħu għandha diversi appartament u li jista’ jmur jgħix f’wieħed minnhom.

Il-Qorti f’dan l-istadju qalet li ma kinitx se tilqa’ t-talba għall-pleġġ minħabba l-biża’ li jiġu kontaminati l-provi iżda ordnat lill-Prosekuzzjoni biex malajr kemm jista’ jkun jittellgħu jixhdu l-allegati vittmi.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-ġenituri tal-akkużat li nfurmatu li ma jista’ bl-ebda mod jikkomunika magħhom, inkella jista’ jiġi kkundannat sentejn ħabs u multa ta’ 7,000 ewro.  Il-Qorti ħatret ukoll uffiċjal tal-probation għal ordni ta’ trattament u li jingħata l-kura psikjatrika u psikoloġika.