Lokali

Kull persuna b’diżabbiltà għandha d-dritt li tkun trattata b’mod ugwali għal persuni oħrajn – PN

Fil-21 ta’ Marzu, id-dinja tiċċelebra l-Jum tad-Down Syndrome. Il-ħsieb wara din il-ġurnata hu li jkun hemm aktar edukazzjoni, kuxjenza u għarfien dwar din il-kundizzjoni.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliema għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea, il-Partit Nazzjonalista qal li jemmen li kull persuna għandha d-dritt li tingħata kull opportunità biex timxi ‘l quddiem fis-soċjetà u tilħaq il-miljiet tagħha. Għaldaqstant, persuni bil-kundizzjoni ġenetika tad-down syndrome ma għandhomx ikunu mċaħħda mill-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà tagħna.

It-tema magħzula għal din is-sena hi: “Magħna, mhux Għalina”. Tema li għandha tippromowovi bl-aħjar mod l-inkluzjoni.

Biex inkunu f’pozizzjoni aħjar fit-tisħiħ tal-inkluzjoni, irridu naċċertaw li jkun hemm it-tagħrif meħtieġ għand kulħadd. Għandna naraw li s-soċjeta tkun infurmata biżżejjed biex tapprezza li kull persuna għandha l-valuri u d-drittijiet tagħha. Dawn id-drittijiet m’għandhom ikunu neqsin lil ħadd. Kull persuna b’diżabbiltà għandha d-dritt li tkun trattata b’mod ugwali għal persuni oħrajn, filwaqt li tingħata l-għajnuna kollha possibbli biex tkun tista’ tagħmel dan. Il-persuni bid-down syndrome għandu jkollhom id-dritt għall-għażla u dawk li jkunu ta’ appoġġ għalihom għandhom jaħdmu magħhom u mhux għalihom.

Il-Partit Nazzjonlista jtenni li l-familjari ta’ persuni bid-down syndrome għandhom jingħataw kull appoġġ possibbli, mill-bidu nett, minn meta jkunu mgħarrfa li t-tarbija tagħhom għandha din il-kundizzjoni. B’hekk, il-ġenituri li jkunu l-ewwel persuni li jiltaqgħu ma’ din ir-realtà, ikunu ppreparati aktar għar-realtajiet ġodda li jkunu se jaffaċċjaw, filwaqt li jingħataw l-għajnuna kollha possibbli biex jgħinu lil uliedhom jikbru u javvanzaw.

Barra minhekk, is-soċjetà wkoll għandha tagħraf li kull persuna għandha d-dritt li jkollha d-dinjità tagħha mħarsa. Dawk kollha li jaħdmu ma’ dawn ir-realtajiet għandhom ukoll ikunu apprezzati għax-xogħol li jwettqu. L-esperjenzi li jitwasslu għand is-soċjetà, kemm minn ġenituri kif ukoll minn persuni oħrajn li jaħdmu f’dawn l-oqsma, għandhom ħafna x’jgħallmuna.

Għal dan il-għan, il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-qraba ta’ dawn il-persuni, lil dawk il-professjonisti kollha li jaħdmu ma’ persuni bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome, lill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome u lill-għaqdiet l-oħrajn li jaħdmu ma’ persuni b’diżabbiltà.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jżomm lil kull bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu u se jibqa’ jaħdem għal soċjetà fejn kulħadd jingħata l-opportunità li jgawdi livell tajjeb ta’ ħajja biex jimxi ‘l quddiem.