Internazzjonali

L-Ingilterra: L-eks PM Johnson jinsisti li ma ried iqarraq b’ħadd fil-kwistjoni ta’ ‘partygate’

L-eks Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qed jaċċetta li seta’ ma providiex l-informazzjoni preċiża dwar il-parties li kienu saru fl-Uffiċċju (tal-PM) ta’ 10 Downing Street (f’Londra) matul il-pandemija, iżda insista li ma għamilx hekk bit-traskuraġni inkella bil-ħsieb li jqarraq bil-Parlament.

Dan meta kumitat ta’ deputati – fil-parti kbira membri tal-Partit Konservattiv fil-Gvern — qed jinvestiga lil Johnson dwar il-‘lockdown parties’ u meta l-eks Prim Ministru, issa, assumi ‘responsabbiltà sħiħa għal kulma seħħ fiż-żmien li hu kien qed jokkupa din il-kariga’.

Madankollu,  Johnson qed jixli lill-Kumitat talli ‘mhux jimxi miegħu b’mod xieraq’. L-eks PM saħaq li l-Kumitat qed jibbaża l fuq il-kliem tal-eks konsulent ewlieni, Dominic Cummings – illum persuna diskreditata – wara li hu akkuża lil Johnson dwar kampanja ta’ misinformazzjoni.

Il-kumitat qal diġà li għandu l-provi li Johnson seta’ ‘mexxa ħażin’ lill-Parlament fiż-żmenijiet tal-lockdown u meta l-konsulenti tiegħu mhumiex jiġġustifikaw kif il-festini għall-istaff ta’ Downing Street setgħu ma sarux b’abbuż tal-liġi.

Ir-riżultat ta’ din l-inkjesta, intant, kapaċi tissarraf fis-sospensjoni jew tkeċċija ta’ Boris Johnson mill-House of Commons ta’ Londra.