Lokali Parlament

L-Ispeaker ma jiħux passi kontra deputati Laburisti li ħadu filmati u ritratti bla permess fil-parlament u ma jidentifikahomx

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddeċieda li ma jiħux passi kontra deputati Laburisti li fis-seduta tal-Ħamis li għadda ħadu filmati u ritratti bla permess u saħansitra naqas li jidentifika lill-istess deputati Laburisti meta fil-Kamra hemm il-cameras li setgħu jidentifikaw lill-istess deputati Laburisti.

Din id-deċiżjoni, l-Ispeaker ħadha f’ruling li ta fuq talba tal-Oppożizzjoni wara dak li seħ fis-seduta parlamentari tal-Ħamis li għadda meta l-Oppożizzjoni ressqet il-mozzjoni biex il-gvern jirkupra l-flus li nsterqu fl-iskandlu tal-isptarijiet.

L-oġġezzjoni tal-Oppożizzjoni kienet dwar ritratti lttieħdu fil-parlament fis-seduta tal-Ħamis li għadda u li kienu pubblikati fil-ġurnal Laburita ‘KullĦadd’ u dwar intervista li l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta lill-gazzetta ‘it-Torċa’ tal-Ħadd li għadda. It-talba għar-ruling saret mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u mid-deputat Nazzjonalista David Agius.

Fir-ruling l-Ispeaker qal li dak li kellu jgħid dwar il-ħinijiet fis-seduta tal-Ħamis li għadda qalu fi stqarrija pubblikata.

Dwar ir-ritratti u l-filmati, l-Ispeaker qal li r-regoli jitkellmu biss dwar xandir uffiċjali tas-seduti u fakkar li biex jintużaw il-camers ż-żewġ naħat qablu ma’ linji gwida li jrregolaw l-użu tal-cameras. Fost ir-regoli hemm li x-xandir jieqaf meta l-Kamra tkun sospiża waqt li meta jkun storbju fis-seduti l-camera għandhom jiffukaw fuq l-Ispeaker.

L-Ispeaker kompla li r-regoli huma siekta dwar l-użu ta’ mobiles fil-Kamra u fil-Kumitati tal-Kamra u sostna li s-Sedja dejjem interpretat li ritratti jew filmati bla permess m’għandhomx ikunu aċċettati mingħajr ftehim bejn iż-żewġ naħat.

Is-Sedje qalet li r-regoli tal-Kamra huma siekta fuq din il-materja u għalhekk sostniet li hi kontra t-teħid ta’ ritratti u filmati b’mobile phone bla qbil. L-Ispeaker qal li fin-nuqqas ta’ ftehim, id-dekor jitlob li ma jittieħdux dilmati jew ritratti u għalhekk li ż-żewġ naħat għandhom jibdew jiddiskutu b’mod matur biex ikunu stabbiliti regoli ta’ gwida.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni kienet talbet ukoll li jkunu identifikati d-deputati li ħadu r-ritratti mill-cameras li hemm fil-Kamra. Dwar dan l-Ispeaker ma qal xejn, ma identifikata lil ħadd u baqa’ jsostni li r-ruling kien ingħata.