Internazzjonali

L-Istati Uniti: Miżuri tas-sigurtà relatati mal-arrest potenzjali ta’ Trump

Il-pulizija fl-ibliet il-kbar tal-Istati Uniti qed ilestu għall-inkwiet potenzjali f’każ li l-eks President Amerikan Donald Trump jinżamm taħt arrest mill-qawwiet tal-liġi. Dan bħala parti minn investigazzjoni li Trump kien ħallas il-flus lil mara – famuża fid-dinja tal-pornografija – biex hi ma tiżvela xejn dwar allegata relazzjoni li kellha miegħu.

Trump kien ilu minn tmiem il-ġimgħa ‘jistenna’ l-arrest u fejn ma żammx lura milli jħeġġeġ biex il-partitarji estremisti tal-Partit Repubblikan  jipprotestaw pubblikament f’każ li hu jinżamm mill-pulizija. U waqt li s’issa għad ma hemm l-ebda tentattiv għall-arrest tal-eks President,, l-awtoritajiet fi New York, Washington u Los Angeles qed iżidu l-preżenza tal-qawwiet għall-infurzar tal-liġi.

Għalissa hemm il-possibbiltà li prosekutur f’Manhattan joħroġ l-akkużi formali dwar il-mod kif Trump ‘iddikjara’ pagament lill-mara inkwistjoni, Stormy Daniels, biex hi żżomm fommha siekta.  Dan meta qatt qabel ma tressaq każ kriminali kontra eks-President tal-Istati Uniti.

Fl-aħħar sigħat, kienu qed jittellgħu l-barrikati tal-ħadid barra l-Qorti Kriminali ta’ Manhattan ( fi New York) fejn kapaċi jitressaq Trump ladarba joħorġulu l-akkużi formali,. Anki d-detektivs pajżana fi New York tpoġġew fuq standby u fejn kienu ordnati biex jilbsu l-uniformi sħiħa ta’ pulizija.

Intant, komplew il-kuntatti bejn in-New York Police Departiment, il-Joint Terrorism Task Force tal-FBI u s-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti biex jevalwaw il-metodu għall-arrest potenzjali tal-eks President Amerikan.