Internazzjonali

L-Ukrajna: Żjara ta’ solidarjetà mill-Prim Ministru Ġappuniż

Il-Prim Ministru tal-Ġappun. Fumio Kishida qed iżur lill-Ukrajna biex iwassal messaġġ ta’ appoġġ u solidarjetà mal-poplu Ukren li qed jirreżisti għall-attakki mill-militar tar-Russja.

Bħala parti mill-programm, Kishida żar il-belt ta’ Bucha fejn ir-Russi kienu wettqu wieħed mill-agħar massakri ta’ ċivili Ukreni mindu l-Armata tal-Kremlin invadiet lill-Ukrajna tlettax-il xahar ilu.

Intant, Kishida kellu wkoll it-taħditiet mal-President Ukren Volodymyr Zelensky fejn esprima rispett għall-kuraġġ u perseveranza tal-poplu Ukren li qed jiddefendu artu kontra l-aggressjoni ta’ Moska.

Il-Ġappun ilu jappoġġja lill-Ukrajna sa mill-bidu tal-gwerra waqt li estenda s-sanzjonijiet kontra r-Russja – l-istess bħall-pajjiżi l-oħra tal-Grupp tal-Akbar Seba’ Stati Industrijalizzati (G7).