Lokali Qorti

Probation għal uffiċjal tas-sigurtà fuq fastidju ta’ żewġ nisa żgħażagħ

Uffiċjal tas-sigurtà ta’ 51 sena tpoġġa taħt probation wara li ammetta li ta fastidju lil żewġ kollegi tfajliet. Il-vittmi, li għandhom 17 u 20 sena, ippreżentaw rapport lill-Pulizija nhar it-Tnejn. Huma sostnew li r-raġel iffastidjhom fuq ix-xogħol u pproduċew evidenza biex sostnew l-allegazzjoni tagħhom.

Ir-raġel ġie arrestat immedjatament u interrogat. Hu kien skortat il-Qorti taħt arrest, mixli li ta fastidju liż-żewġ nisa, li ssuġġettahom għal atti ta’ intimità fiżika, kif ukoll atti li għandhom konnotazzjonijiet sesswali. Huwa ġie akkużat ukoll li sar reċidiv.

L-akkużat ammetta għall-akkużi. “Iva ħati imma ma kien xejn”, qal ir-raġel. L-avukat difensur Joe Giglio qal li ċerti kummenti u rimarki jistgħu jiġu mifhuma ħażin u interpretati bħala fastidju. L-akkużat kien għamilha ċara li ma kellu l-ebda intenzjoni ulterjuri iżda kien biss qed jiċċajta magħhom, huwa qal.

Madankollu, is-soċjetà inbidlet u ċerta imġieba li forsi kienet ittollerata fil-passat, illum il-ġurnata mhijiex permissibbli qalet il-qorti u anke l-istess avukat difensur. Il-prosekuzzjoni qablet li l-akkużat għandu bżonn għajnuna biex jifhem il-ħidma tas-soċjetà tal-lum u jtejjeb l-interazzjoni tiegħu ma’ ħaddieħor.

Peress li dan l-inċident seħħ fil-post fejn jaħdmu l-akkużat u l-vittmi tiegħu, il-qorti staqsiet kif ordni ta’ protezzjoni tista’ tiġi infurzata b’mod effettiv. “It-tfajliet imorru hemm biss darba fix-xahar. Jiġu fl-uffiċċju tiegħi u noffrilhom kafè, ‘orange juice’, sandwiches u anke affarijiet oħra.

Huma jidħlu ġewwa fejn inkun jien, u mhux bil-maqlub,” interrompa l-akkużat, filwaqt li rrimarka li għandu tifel li hu akbar mmiż-żewġ vittmi. “Ma kellix intenzjonijiet ħżiena. Offrejtilhom Twistees ukoll.” kompla jgħid. Il-Maġistrat Leonard Caruana poġġa lill-akkużat taħt Ordni ta’ Probation għal tliet snin sabiex ikun jista’ jikseb għajnuna ” permezz ta’ taħriġ soċjali”.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi. L-ismijiet tal-partijiet kollha u l-post tax-xogħol tagħhom ma jistgħux jiġu ppubblikati b’ordni tal-Qorti. L-Ispetturi Kevin Pulis u Gabriel Micallef mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Joe Giglio kien l-avukat difensur.