Kollox jindika li l-Pulizija għadha sa issa ma wettqet ebda tfittxija jew xi forma ta’ raid fl-uffiċini tal-Enemalta sabiex l-investigaturi jelevaw kull forma ta’ informazzjoni jew evidenza marbuta mad-deal skandaluż tax-xiri tal-windfamrs fil-Montenegro – każ ieħor bħal dak tal-Vitals u tal-Electrogas li fih hemm imdaħħal direttament l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi.
Dan l-iskandlu huwa dwar ix-xiri tat-turbini tar-riħ li ġew jiswew lill-Enemalta it-tripplu tal-prezz. Bit-Times illum tikkwota sorsi li kkonfermaw kif il-Pulizija qed ikaxxkru saqajhom fl-investigazzjonijiet, minkejja li f’Diċembru li għadda kien hemm qbil li ssir tfittxija fl-uffiċini tal-Enemalta. Iżda din baqgħet qatt ma saret.
In-nuqqas tal-Pulizija wassal ukoll biex ġiet affetwata l-inkjesta importanti li għaddejja b’rabta mal-akkużi ta’ korruzzjoni u tixħim.
Dwar dan kollu, sa issa kien hemm skiet totali mill-Kummissarju Angelo Gafà.
F’Ġunju ta’ 3 snin ilu, Konrad Mizzi stess kien sfida lill-Enemalta tippubblika kull informazzjoni relatata ma’ dan id-deal – ftehim kontroversjali li għadu sal-lum mifni b’misteri kbar.
F’Settembru li għadda, l-Enemalta stess ċaħdet talba li saret mit-Times biex taċċessa r-rapport dwar dan l-iskandlu tal-windfarms tal-Montenegro. U l-uniku informazzjoni dwar dan id-deal ġejja biss minn dak li ġie żvelat mill-ġurnalisti fl-aħħar ħames snin, u anke xi informazzjoni li wieħed seta’ janaliżża mill-estimi finanzjarji tal-Enemalta.
Fil-fatt, mir-rapport finanzjarju jirriżulta l-Enemalta stess kienet konxja li qed tħallas it-tripplu tal-prezz oriġinali għall-ishma li xtrat f’dawn il-windfarms. Dan meta n-negozjant Yorgen Fenech kien fl-istess waqt għamel profitt minn dan id-deal permezz tal-kumpanija sigrieta 17 Black.
//= $special ?>