Lokali

Repubblika tinsisti li jridu jitilqu Byron Camilleri u Angelo Gafà

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet illi l-aħbar fit-Times tal-lum tikkonferma li fis-segretezza tal-inkjesti Maġisterjali, il-Pulizija qed tagħmel minn kollox biex ħadd ma jsofri konsegwenzi għall-frodi li sar meta l-Enemalta xtrat windfarm fil-Montenegro.  Meta sar magħruf x’għamlu Konrad Mizzi u Yorgen Fenech taħt il-gwida ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri, Robert Abela kien qal li hu “diżgustat”.

Minkejja d-diżgust tal-Prim Ministru, ir-rapport fit-Times of Malta tal-lum juri li l-Pulizija qed tinjora direttivi maġisterjali biex tagħmel tiftix fl-uffiċji tal-Enemalta u biex tagħmel perkwiżizzjonijiet mill-emails tad-diretturi tal-Enemalta li kienu involuti f’din il-frodi.
Suppost tiftix u ħtif ta’ provi ta’ reati jsiru malajr kemm jista’ jkun u b’sorpriża għal min ikun irid jaħbi l-provi tar-reat li wettaq.

Minflok hawn il-Pulizija tħalli x-xhur u s-snin jgħaddu u meta tiżdied il-pressjoni biex jagħmlu xi ħaġa javżaw lill-ħallelin li jkunu ġejjin b’xi storja fil-gazzetti.

Hu ċar li l-ostruzjoniżmu tal-liġi u l-kompliċità mal-kriminali fil-Pulizija li rajna fil-każijiet tal-Panama Papers u tal-Pilatus Bank u tal-Vitals, qed narawh ukoll fil-każijiet li nkixfu kemm ilu Prim Ministru Robert Abela. Għall-paroli dwar is-suppost “diżgust” tiegħu għall-korruzzjoni ma jirbaħlu ħadd. Imma minn wara jżomm f’posthom lill-Ministru Byron Camilleri u lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li għamluha l-missjoni tagħhom li jipproteġu lil Joseph Muscat u ‘l-assoċjati kriminali miegħu Keith Schembri, Konrad Mizzi, u Yorgen Fenech.

Ma nistgħux nibdew niġġieldu l-korruzzjoni tal-lum qabel ma nieħdu azzjoni serja kontra l-korruzzjoni li nafu biha li saret il-bieraħ. Ma nistgħux nibdew infiequ sakemm Byron Camilleri jibqa’ Ministru tal-Intern u Angelo Gafà jibqa’ l-kap kompliċi tal-Pulizija.