Lokali Parlament

“Sewditilna naqra qalbna”… Fearne jagħlaq il-bibien fuq il-privatizzazzjoni li semma’ Robert Abela

Ritratt: Matthew Tabone

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal fil-parlament li lil-Laburisti l-iskandlu tal-isptarijiet seditilhom qalbhom u għalaq il-bibien fuq xi privatizzazzjoni oħra tal-isptarijiet li tkellem dwarha l-Prim Ministru Robert Abela.

Chris Fearne qal li x-xahar li għadda ngħatat is-sentenza li annullat il-kuntratti kollha tal-isptarijiet u sostna li l-ġimgħa li għaddiet, Steward appellaw mis-sentenza u għalhekk il-gvern irid jistenna l-eżitu tal-appell.

Steward issa avżat lill-gvern li kienu abbandunaw l-isptarijiet, sostna Chris Fearne, li kompla li fl-aħħar ħamest ijiem kien hemm timijiet ta’ avukati ta’ Stewrrd u tal-gvern li tkellmu dwar kif ‘se nimxu ‘l quddiem’.

Hu qal li l-gvern qal li mhux se jistenna jew jaċċetta ebda kundizzjoni ta’ Steward u sostna li l-gvern wieġeb bl-argumenti tiegħu fejn m’aċċettax dak li pprovaw jimponu Steward.

Id-deputat Prim Ministru kompla li l-gvern se jassigura s-servizz tas-saħħa u l-impjieg tal-ħaddiema u żied li issa, l-gvern għamel hu l-kundizzjonijiet lil Steward biex jitilqu minn Malta. Mil-lum l-gvern ħa f’idejh l-operat tal-isptarijiet, sostna Chris Fearne, li kompla li l-operat ta’ dawn l-isptarijiet se jibqa’ f’idejn il-gvern.

Id-Deputat Prim Ministru sostna li s-servizzi tal-kuntratturi se jibqgħu għaddejjin u qal li kien tkellem mad-Dekan ta’ Barts, li assigurah li din se tkompli topera f’Għawdex. Hu sostna li issa l-gvern se jibda bit-titjib tal-isptarijiet u qal li f’Għawdex se jibda servizz ta’ MRI u se jinbena sptar ġdid waqt li se jkun modernizzat Karin Grech.

Minn din l-istorja tgħallimna u għad irridu nisimgħu u ngħarblu, sostna Chris Fearne, li indirizza lil-Laburisti qal li din l-istorja “sewditilna naqra qalbna”. Il-PL dejjem kien il-partit tas-sewwa, ħadem u bata għax emmen fis-sewwa. Għalhekk għandna l-kuraġġ li nifhmu li ħadd mhu ikbar mill-partit u mill-pajjiż. Mhux se niddefendu fejn m’hemmx is-sewwa iżda nkunu fuq quddiem biex inħarsu s-sewwa, sostna Chris Fearne.

Id-deputat Prim Ministru qal li erba’ snin ilu l-PL ħraeġ iktar b’saħħtu mis-sitwazzjoni li kien fiha. Illum għandna sfida oħra iżda mil-lum l-isptarijiet għaddew għand l-gvern, sostna Chris Fearne, li qal li l-passi kontra Steward se jittieħdu.