Lokali

Skont Abela “Ian Borg għandu jiġi trattat bħal kulħadd”

Wara li l-Qorti iddikjarat illegali il-pool li bena Ian Borg fil-villa tieghu, il-Prim Ministru xorta qed jibqa’ joħroġ għonqu għalih. U mhux talli mhux se jwarrbu, talli qed jiġġustifikah…b’Abela jinsisti li Ian Borg irid jiġi trattat bħal kull ċittadin ieħor.

Kien il-ġimgħa li għaddiet meta l-Qorti tal-Appell iddikjarat bħala “illegali” il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar mogħti lill-Ministru Ian Borg u lil martu biex jibnu pool fil-villa tagħhom, li tinsab fiż-żona rurali ta’ Santa Katerina fir-Rabat.

Il-permess ħareġ waqt li l-Ministru Borg kien responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar. U kif iddikjarat il-Qorti stess, il-Ministru kien konxju li l-permess kien qed jiġi kkontestat quddiem il-Qrati; iżda xorta kompla bl-iżvilupp tal-pool.

Meta pressat bid-domandi ta’ Net News, il-Prim Ministru stess spiċċa ammetta li Ian Borg uża permess minkejja li ma kienx konfermat mill-istadji kollha. Iżda minkejja dan, Abela xorta baqa’ jiskuża dak li sar mill-Ministru.

Il-PN fl-aħħar jiem insista li l-Ministru għandu jerfa’ r-responsabbilta’ politika u jirriżenja. Xi ħaġa li mhux biss m’għamilx, talli issa għandu l-barka tal-Prim Ministru li qed jiddefendih.