Il-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed iġib biss skużi superfiċjali biex ma ssirx inkejsta pubblika dwar il-qtil ta’ Jean Paul Sofia.
Dan intqal mid-deputat Stanley Zammit meta indirizza konferenza tal-ahbarijiet fejn qal illi hemm bżonn jiġu evitati l-imwiet, u iżjed tbatija għall-familji, billi jiġu ddeterminati d-djufijiet fil-liġijiet.
Zammit fakkar fit-traġedja ta’ Miriam Pace, illi fi Frar tal-2020 mietet meta d-dar tagħha sfrondat fuqha minħabba x-xogħolijiet li kienu għaddejjin fuq id-dar ta’ ħdejha.
Id-deputat Nazzjonalista fakkar ukoll kif il-Prim Ministru għadu ma qal xejn rigward il-proposta tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħatra ta’ uffiċċju independenti li jispeċjalizza fuq inkjesti fejn jidħlu dawn it-tip ta’ incidenti..
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mid-deputat Jerome Caruana Cilia illi appella lil Robert Abela biex ma jkunx partiġġjan, hekk kif Malta kollha tgħajjat għall-inkjesta pubblika biex toħroġ il-verita.
Hu insista illi Robert Abela għandu jaqbel ma’ inkjesta pubblika jekk m’għandu xejn x’jaħbi.
Id-deputat Nazzjonalista qal illi l-eżitazzjoni tal-gvern tidher qisu qed jipprovaw jgħatti l-atti ta’ xi wħud, u li min hu involut donnu għandu l-poter jinfluenza l-atti tal-gvern.
Il-kelliema jikkonkludew billi qalu li inkjesta pubblika għandha ġġib ġustizzja għall-familja ta’ Jean Paul Sofia, kif ukoll tgħin tiżgura sigruta akbar fil-qasam tal-kostruzzjoni.
//= $special ?>