Internazzjonali

Wara t-taħditiet bejn Putin u Xi Jinping: Ir-Russja tinsab disposta għall-proposti ta’ Beijing dwar l-Ukrajna

Chinese President Xi Jinping and Russian President Vladimir Putin pose for a photo during their meeting at the Kremlin in Moscow, Russia, Monday, March 20, 2023. (Sergei Karpukhin, Sputnik, Kremlin Pool Photo via AP)

L-Istati Uniti għamlitha ċara li l-uniku riżultat pożittiv mill-aħħar laqgħat bejn il-Presidenti tar-Russja u ċ-Ċina għandu jinvolvi impenn konkret u serju biex il-qawwiet Russi ma jkomplux bl-attakki indiskriminattivi fuq il-familji waqt il-gwerra fl-Ukrajna.

Dan waqt li l-President Russu Vladimir Putin u l-President Ċiniż Xi Jinping ,  ikkonkludew fażi oħra ta’ taħditiet fil-Kremlin ta’ Moska – u wara li l-Gvern Russu firex it-tapit l-aħmar għal Xi Jinping.

Iż-żewġ Presidenti diskutew l-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi ta’ Putin u wara l-laqgħat, Putin qal li ħafna mill-elementi ta’ pjan għall-paċi (għall-Ukrajna) li ressqet iċ-Ċina jistgħu jintużaw bħala bażi għal soluzzjoni tal-konflitt ‘f’kull ħin li l-Punent u l-Gvern Ukren ikunu lesti għaliha’. Dan meta Putin jaf li ftit li xejn hemm ċans li l-Ukrajna u l-Punent se jaċċettaw il-proposti ta’ Beijing.

Min-naħa tiegħu Xi Jinping sostna li Beijing hu dejjem favur il-paċi, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni attiva u li l-istorja se tfakkar li pajjiżu jinsab ‘fuq in-naħa tas-sewwa’ f’din is-sitwazzjoni. Il-kumment, intant, qed jitqies bħala kritika għall-Punent talli qed jibgħat l-armi lill-Ukreni biex jiddefendu arthom.

Iż-żewġ mexxejja anki wissew li mgħandu joħroġ l-ebda rebbieħ minn konflitt nukleari potenzjali waqt li, fi stqarrija konġunta, akkużaw lill-Istati Uniti b’li qed ittellef l-istabbilità strateġika fuq livell globali u biex ma tkomplix f’din it-triq.

Għad hemm tħassib kbir fil-Punent li l-appoġġ taċ-Ċina għar-Russja kapaċi, ‘il quddiem, jiżviluppa minn aspett kummerċjali u teknoloġiku għal wieħed militari. Dan meta Xi Jinping irrepeta li pajjiżu u r-Russja huma ‘sieħba strateġiċi’ filwaqt li stieden lil Putin għal żjara statali f’Beijing.

Il-Gvern Russu ma żamm lura minn xejn biex jonora lil Xi Jinping bħala ‘ħabib kbir ta’ Moska’. Dan meta r-Russja tinsab taħt is-sanzjonijiet internazzjonali u saret tiddependi dejjem aktar miċ-Ċina għall-appoġġ.

Twissija min-NATO…

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, ikkummenta li ċ-Ċina taħt l-ebda ċirkustanzi ma għandha tipprovdi għajnuna militari lir-Russja.

Hu qal dan waqt li kienu għaddejjin it-taħditiet fil-Kremlin bejn Putin u Xi Jinping u għalkemm in-NATO għadha ma ratx provi fis-sens li ċ-Ċiniżi qegħdin jibgħatu l-armamenti lir-Russja, hemm sinjali li ‘Moska wasslet dik it-talba speċifika (għall-armamenti) lill-Gvern ta’ Beijing’.