Lokali Qorti

Żagħżugħ jammetti li ħallas bi flus foloz f’Paceville u jingħata sentenza sospiża

Żagħżugħ ta’ 19-il sena residenti l-Floriana ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li ammetta li meta kien Paceville mar biex jixtri xi oġġetti li kienu jikkonsistu xi ‘drinks’ minn stabbilment bi flus foloz, kollha karti tal-50 ewro.

Kien il-barman li nduna li l-flus li ħallas bihom Sasha Agius nhar il-Ħadd li għadda meta s-serial numbers tal-flus kienu l-istess u barra minn hekk il-flus kienu jintarfu li ma kienux oriġinali. Huwa ammetta li wettaq dan ir-reat fi Club H u Havana.

Meta nġibdet l-attenzjoni tal-Pulzija, minn naħa ta’ wieħed mill-istabbilimenti Agius ġie arrestat fejn fuqu kellu 250 ewro u wara li ttieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan instabu aktar flus foloz li b’kollox jammontaw għal 700 ewro. Kellu wkoll fuqu mat-300 ewro fi flus oriġinali.

Wara l-ammissjoni l-Qorti tagħat ċans liż-żagħżugħ biex jerġa’ jaħsibha u li dan ikkonferma l-ammissjoni tiegħu. L-Ispettur Keith Scerri qal lill-Qorti li Agius ikkopera mal-Pulizija u li għandu kondotta nadifa. L-Avukat Josette Sultana li dehret għall-akkużat talbet lill-Qorti biex ma jingħatax piena ta’ ħabs, fejn din kienet l-ewwel darba li kiser il-liġi u li dalwaqt li jibda kors edukattiv.

L-Avukat Sultana qalet li ż-żagħżugħ għandu jitgħallem minn dan l-iżball. Il-Qorti wissiet bil-qawwa kollha lill-ħati li s-sentenza mogħtija kienet fil-minimu tagħha, għaliex reat gravi bħal dan għandu piena massima ta’ disa’ snin ħabs. “Din kienet l-ewwel darba li ksirt il-liġi u din is-sentenza għandha tittieħed bis-serjetà. Jekk tikser il-liġi f’dawn l-erba.’ snin awtomatikament tmur sentejn ħabs. Ara ma nerġax narak quddiemi,” qal il-Maġistrat Leonard Caruana lil Agius.

Fi tmiem l-għoti tas-sentenza omm Sasha Agius talbet lill-Maġistrat biex mal-piena żżidlu xogħol fil-kommunità. Il-Qorti qalet lil omm li l-liġi f’dan il-każ ma tippermettilux jagħmel dan. Qabel ma ħalla l-awla l-Maġistrat reġa’ wissa liż-żagħżugħ billi qallu “qed nafdak, agħti każ lill-Qorti għax tispiċċa ħażin.” Il-Qorti ordnat ukoll li l-flus foloz jiġu konsenjati lill-Bank Ċentrali.