Sport Sport Ieħor

Clyve Chetcuti u Diana Muscat jirbħu f’Ta’ Ċenċ

It-tielet tiġrija taċ-Cisk 0.0 National Points Series, organizzata mill-Malta Mountain Bike Association f’Ta Ċenċ, Għawdex ipprovdiet eċċitament kif ukoll xi diżappunti hekk kif ir-rebbieħ preċedenti tan-National Point Series Luke Borg naqas milli jitla fuq il-podju, minkejja li kien wieħed mill-favoriti tat-tellieqa.

L-ewwel dawra minn sitta tal-korsa, rat numru ta’ waqgħat u ħabtiet li kkawżaw diżappunti partikolarment fil-kategorija Elite. Luke Borg kien qed jipprova jiddefendi l-ġirja bla telfa tiegħu din is-sena, madankollu l-kompetizzjoni kienet b’saħħitha minn sewwieqa bħal Jason Vella, Clyve Chetcuti, Mark Bonnici, Brandon Sultana u Stefan Scerri li l-aħħar t-tnejn kienu qed itellqu f’ambjent familjari.

Il-ħsarat fir-rota ta’ Mark Bonnici waslu biex kellu jieqaf lejn l-aħħar tat-tieni dawra, u ħalla lil Scerri u Chetcuti f’kontestazzjoni li rawhom itellqu ras imb’ras. Spinta qawwija fl-aħħar dawra minn Chetcuti rawh jieħu l-ewwel rebħa tas-serje, b’Scerri jieħu t-tieni post. Waqgħa lejn tmiem l-ewwel dawra fissret li Jason Vella tilef ftit ħin madankollu d-determinazzjoni tiegħu rawh jispiċċa fit-tielet post.

It-tiġrija tan-Nisa rat lil Diana Muscat tagħddi lil Lara Buttigieg biex tieħu l-vantaġġ mill-bidu. Minkejja diversi tentattivi ta’ Buttigieg biex tmur fil-vantaġġ, Muscat kompliet fuq quddiem biex ħadet ir-rebħa. Felicienne Cini spiċċat fit-tielet post.

Il-Kategorija Sport rat lill-Għawdxi Darren Sultana jieħu vantaġġ komdu quddiem Josmar Vella li kien sekondi biss quddiem Keith Bartolo, li spiċċa fit-tielet post. Fil-kategorija 40+, kienet battalja bejn Stephen Grima u Alex Portelli. Ir-rebħa ta’ Grima kienet assigurata biss fl-aħħar metri tat-tellieqa. Gordon Zahra temm il-podju tal-kategorija 40+. Enrico Bradamante irreġistra rebħa oħra fil-kategorija tal- 50+. Warajh kien hemm Carmelo Abela u Raphael Fenech Adami.

Il-Kategoriji Junior u Youth kienu rappreżentati tajjeb. Justin Micallef rebaħ il-kategorija U19. Nathan Goodhand, Chylen Fava u James Vassallo kienu l-aqwa tlieta fil-kategorija U17. Il-kategorija tas-Subien U15 intrebħet minn Liam Daly, li għeleb il-kompetizzjoni minn Kai Debono u Daniel Luke Spiteri. Il-kategorija tal-Bniet U15 intrebħet minn Nina Debono Curmi li mill-bidu kisbet vantaġġ tajjeb fuq Zija Fuji u Katie Anne Vella Wood. Zac Bugeja, Jurgen Mercieca u Jake Said għaqdu l-podju tas-Subien U12, b’Kim Micallef Cann, Mikela Ann Spiteri u Mickaya Fava jlestu l-podju tal-Bniet U12.

Pierre Zammit Endrich, President tal-Malta Mountain Bike Association, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-eżitu tat-tielet tiġrija. Minbarra li kien hemm attendenza tajba, il-korsa kienet waħda teknika ħafna u ta’ sfida li rat azzjoni mimlija adrenalina, filwaqt li għan-numru kbir ta’ spettaturi preżenti, l-azzjoni kienet dehra spettakolari.

Ir-raba’ tiġrija taċ-Cisk 0.0 National Points Series hija skedata li ssir il-Ħadd 16 ta’ April f’Pembroke.

Cisk 0.0 Cross Country National Points Series hija sponsorjata mill-birra mingħajr alkoħol Cisk 0.0, Gatorade, u San Michel u hija appoġġjata minn IDMatch Bike Lab.