“Robert Abela qed jibqa’ fuq in-naħa tal-kbir u tal-kriminali u ta’ dawk li jkomplu jitħanżru u mhux fuq in-naħa tal-poplu Malti.”
Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-aħħar żviluppi li seħħew f’pajjiżna f’dawn l-aħħar ġimgħat.
Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern huwa mmexxi mill-kriminali u mill-ħallelin… persuni li ħatfu is-setturi tas-saħħa, il-ġustizzja, l-ambjent u l-ekonomija, fejn quddiem dan kollu, il-Kummissarju Angelo Gafa u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ma jidhru mkien… B’Abela jibqa’ hemm u jistenbaħ biss meta jiġi dahru mal-ħajt.
Bernard Grech fakkar kif xahar ilu l-Qorti ddeċidiet kontra r rieda ta’ Robert Abela u ta’ sħabu… kontra r-rieda tas-sidien ta’ Steward u Vitals u kontra dawk li kkonfoffaw minn wara dar il-poplu biex jingħataw dawn il-kuntratti… konfoffa biex jibqgħu jitberbqu l-miljuni.
Huwa qal li quddiem is-sentenza li ngħata mill-Qorti, Abela l-ewwel qal li qed jistudja l-kawża, imbagħad wara li nduna li kien hemm rabja kbira mill-poplu, qal li se jitlobhom parti mill-flus lura… B’Abela issa reġa’ sar supporter ta’ Steward u l-avukat ewelieni tagħhom fejn fil-Parlament għamel siegħa jiddefendihom.
Bernard Grech saħaq li l-poplu jaf li f’Għawdex m’hemmx sptar ġdid, jaf li l-Isptar San Luqa għadu mitluq u abbandunat u ma sarx investiment, jaf li fl-Isptar Mater Dei ma baqax isir l-investiment li hemm bżonn b’waiting lists dejjem jiżdiedu u bil-medicini out of stock… xi sptar mentali ġdid li kien imwiegħed u baqa’ qatt ma sar. Dan kollu huwa turija ċara ta’ kemm il-Gvern Laburista falla lill-popli Malti u Għawdxi fis-settur tas-saħħa.
Il-Kap tal-PN għamel referenza wkoll għad-dewmien li hemm fil-Qrati kawża tal-investiment meħtieġ li baqa’ qatt ma sar. Dewmien li qed iwassal biex numru ta’ kawżi qed idumu snin biex jinstemgħu.
Bernard Grech tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ Robert Abela biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali fuq il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia…. b’Abela qed jibqa’ jippersisti li din ma ssirx u bil-familja tal-vittma għadha sal-lum tokrob lill-Prim Ministru biex issir magħrufa l-verità kollha u jitressqu l-persuni responsabbli għal dan l-inċident li seħħ f’sit ta’ kostruzzjoni u li ħasad il-ħajja ta’ Jean Paul.
L-ipokrezija ta’ Abela u ta’ sħabu qed tidher ukoll fis-settur ambjentali… il-Kap tal-PN sostna li l-ewwel, il-Gvern wiegħed li se jagħti iktar spazji pubbliċi, iżda mbagħad spiċċa reġa’ ħa l-art minn ħalq il-poplu. B’dan l-aġir qed juri li l-Gvern li rema l-prinċipji soċjalisti kollha u spiċċa ‘Gvern fake’.
//= $special ?>