Lokali

“Dan il-pajjiż kien ‘playground’ għalihom fejn komplew jitħanżru” – Andrew Azzopardi

“Pajjiż tat-tqallih. Dan il-pajjiż kien playground għalihom, jitħanżru u jatnu kull prinċipju li qatt kien hemm.”

Dan sostnieh Andrew Azzopardi – li huwa l-preżentatur ta’ Andrew Azzopardi on 103 – f’post fuq il-midja soċjali hekk kif tkellem dwar iċ-chats li ġew żvelati bejn Rosianne Cutajar u n-negozjant Yorgen Fenech.

Huwa sostna li issa l-argument se jdur fid-direzzjoni ta’ privatezza jew inkellha jekk hux legali li dawn il-messaġġi ta’ Whats App kellhomx jispiċċaw fil-pubbliku. Azzopardi qal li għalkemm dan huwa argument importanti wieħed irid iżomm f’moħħu l-implikazzjonijiet aktar profondi ta’ xi jfakkruna dawn il-messaġġi li għamlu skandlu wara l-ieħor. Barra minn hekk, huwa qal li dan il-pajjiż kien ‘playground’ għalihom fejn komplew jitħanżru u jatnu kull prinċipju li qatt kien hemm.

Andrew Azzopardi saħaq li lanqas f’serje ma jkun hemm daqshekk qtil, tgħajjir tas-supporters tiegħu stess, jinsulenta lin-nies billi jipprova jalqilgħom ħalqhom biċ-ċekkijiet, korruzzjoni, deals falluti fost affarijiet oħra. Huwa sostna li lanqas jista’ jemmen b’dak kollu li seħħ f’pajjiżna l-aħħar snin.

Fil-post tiegħu Andrew Azzopardi għamel appell lill-Prim Ministru li l-ġlieda tiegħu hija ma’ dawk il-membri Laburisti li kkontaminaw b’dak kollu li mhuwiex soċjalist.