Lokali

€285,662 miġbura mill-poplu Malti u Għawdxi għall-persuni fit-Turkija u s-Sirja milquta mit-terremoti

Il-poplu Malti u Għawdxi ġabar is-somma ta’ €285,662 f’sitt ġimgħat għal sejħa ta’ emerġenza li saret mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex b’risq il-poplu tat-Turkija u s-Sirja, li ntlaqtu minn terremot li ħalla eluf kbar ta’ persuni mejta taħt it-tiġrif.

Id-donazzjonijet ingħataw minn individwi, parroċċi, skejjel, kumpaniji u entitajiet oħra privati li wasslu d-donazzjonijiet tagħhom permezz ta’ kontijiet ta’ emerġenza miftuħa apposta minn Caritas Malta.

Il-flus miġbura ntbagħtu lil Caritas Internationalis biex iż-żewġ pajjiżi setgħu jingħataw l-assistenza tant meħtieġa fl-aktar affarijiet bażiċi; ikel, ilma, akkomodazzjoni u oġġetti għall-iġjene personali.

F’dawn l-aħħar sitt ġimgħat baqa’ għaddej ix-xogħol biex jiġi identifikat in-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom li jaqbeż is-sittin elf bejn iż-żewġ pajjiżi, b’ħafna oħrajn midruba, eluf li għadhom nieqsa u mijiet ta’ persuni li sfaw bla saqaf fuq rashom. Persuni li salvaw, ingħataw jew għadhom qed jingħataw għajnuna fi sptarijiet u għajnuniet oħra, fejn l-aktar li jispikkaw huma tfal u trabi li sfaw iltima.

Caritas Malta hi impenjata tkompli bil-ħidma tagħha u tkompli tagħti sapport lil dawk l-iktar milquta.