Internazzjonali

Franza: Macron jisħaq li r-riformi fil-pensjoni ‘mhumiex lussu iżda neċessità’

Il-President Franċiż Emmanuel Macron għadu qed jiddefendi d-deċiżjoni biex jixpruna r-riformi li jesiġu żieda fl-età għall-irtirar mix-xogħol (fi Franza) minn 62 għal 64 sena. U Macron anki deher jinjora l-pariri biex juri ‘sensittività’ f’din il-kwistjoni li ħallet lill-għexieren tal-eluf tal-Franċiżi frustrati dwar il-miżura huma u jesprimu r-rabja waqt id-dimostrazzjonijiet madwar il-pajjiż.

Il-President ilu l-jiem taħt pressjoni biex inaqqas mir-rabja popolari u issa għamel l-ewwel rimarki pubbliċi dwar is-sitwazzjoni fost it-tensjoni li, aktar kulma jmur, qed teskala.

Fil-bidu tal-ġimgħa, Macron żgiċċa bi ftit minn żewġ voti ta’ fiduċja u d-dimostranti għadhom determinati biex ikomplu jipprotestaw dwar il-pensjonijiet. Dan wara lil-Gvern kellu juża l-poteri mogħtija lilu mill-Kostituzzjoni biex jgħaddi r-riformi mill-Parlament mingħajr vot.

Il-President Franċiż, issa, qal li ‘ir-riformi ma jridux jitqiesu bħala lussu iżda neċessità’ anki waqt li l-poplu kien qed iħejji sensiela oħra ta’ strajks u protesti tal-massa programmati għal għada, il-Ħamis. Dan wara sitt iljieli ta’ dimostrazzjonijiet f’numru ta’ bliet Franċiżi li rriżultaw fil-mijiet tal-arresti.

Bħalissa madwar 13 fil-mija tal-istazzjonijiet tal-petrol fi Franza qed jispiċċawlhom il-fuel minħabba li l-gruppi tad-dimostranti qegħdin iżommu r-raffineriji taż-żejt fi stat ta’ assedju. Il-protesti anki xeħtu f’dubju ż-żjara imminenti tar-Re Karlu tal-Ingilterra fi Franza, bid-deputati Franċiżi fl-Oppożizzjoni jsejħu biex iż-żjara titħassar u biex ‘il-Gvern jagħti priorità lill-ilmenti ta’ poplu f’xifer ta’ rivoluzzjoni’.

Min-naħa tiegħu, Emmanuel Macron qal li d-dimostranti għandhom id-dritt li jsemmgħu leħinhom fit-toroq u li l-Gvern qed jagħti każ l-ilmenti tagħhom – madankollu hu sostna li taħt l-ebda ċirkustanzi mhu se jaċċetta l-azzjonijiet vjolenti u n-nuqqas ta’ rispett għal-liġijiet tal-pajjiż.

Macron qal li waqt li ‘ma kienx il-pjaċir tiegħu’ li jżid l-età għall-irtirar sal-aħħar tas-sena, hu għandu r-responsabbiltà li ma jinjorax kwistjoni li kapaċi ssir insostenibbli fil-futur. Hu anki wissa li aktar mal-Gvern jitnikker, aktar id-deficit għandu jaqleb għall-agħar fiċ-ċirkustanzi.