Lokali Parlament

Iċ-ċittadin m’għandux ibati minħabba nuqqas ta’ riżorsi fil-Korp tal-Pulizija

Joe Giglio, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio qal fil-parlament li ċ-ċittadin m’għandux ibati minħabba nuqqas ta’ riżorsi fil-Korp tal-Pulizija ugħalhekk il-gvern għandu jkun sensittiv dwar l-estenzjoni tal-perjodu ta’ arrest sa massimu ta’ ħamest ijiem; għandu jinstab bilanċ.

Joe Giglio qal li l-ħin jista’ jitwal sa 132 siegħa jistona għaliex dan ifisser li persuna tista’ tibqa’ arrestata għal ħamest ijiem u nofs f’ċella umduża. Hu sostna li, waqt arrest, il-persuna arrestata tkun għaddejja minn stress emozzjonali u tkun għadha innoċenti u għalhekk ħamest ijiem arrestata hi esaġerata ħafna.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-kriminalità għandha tkun miġġielda iżda jrid ikun ikkunsidrat l-impatt li sitwazzjoni tat-tul ta’ dan l-arrest iġibfuq il-persuna. Il-bilanċ jinsab iktar fl-emenda tal-PN li persuan tista’ tibqa’ arrestata sa tliet jiem; 72 siegħa.

Dan l-abbozz tal-gvern mhux qed jagħti importanza għall-police bail li qiegħed hemm biex meta l-pulizija ma jgħalqux l-investigazzjonijiet sa 48 siegħa, il-pulizija tirrilaxxa lill-persuna bil-kundizzjonijiet li ma jistax isiefer.

Hu qal li ma jistax ikun li jkun hemm dawn l-esaġerazzjonijiet minħabba n-nuqqqasijiet tal-gvern. Persuna tista’ fil-fatt tinżamm fuq police bail fuq perjodu twil jekk il-pulizija tħoss meħtieġ; dan hu kunċett li jekk jitħaddem kif suppost hu għodda tajba għall-pulizija.

Joe Giglio qal li l-pulizija għandhom jingħataw ir-riżorsi biex jaħdmu u mhux, is-soluzzjoni tkun li l-persuni jkunu arrestati għal ħamest ijiem u nofs. Hu sostna li l-arrest iħalli impatt fuq il-persuni arresti, inkluż it-tfittxijiet fid-dar tal-arrest, fit-teħid tal-persuna minn mal-familja u l-arrest f’ċella.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li minkejja li hemm qbil fil-prinċpju jeħtieġ li jinstab bilanċ mal-importanza tal-ġlieda kontra l-kriminalità bl-għodod leġislattivi iżda ma jistax ikun li ċ-ċittadin iħallas minħabba n-nuqqasijiet tal-pulizija biex jinvestigaw. F’dan il-kuntest problema kbira hi li l-pulizija m’għandhom lil ħadd biex janalizzaw il-laptops, il-mobiles jew il-computers elevati, sostna d-deputat Nazzjonalista.