Lokali Parlament

Id-deputati Laburisti għandhom responsabbiltà biex titwettaq il-ġustizzja

Beppe Fenech Adami, PN

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami appella lid-deputati Laburisti biex jitkellmu u ma jkunux kompliċi bis-skiet tagħhom biex fil-pajjiż titwettaq ġustizzja.

Beppe Fenech Adami qal li dan hu budget bla viżjoni li ma jindirizzax dak li għandu bżonn il-pajjiż u jilħaqx l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-poplu; dan hu gvern li qata’ qalbu li jiftħu l-bibien għaż-żgħażagħ u ma jieħux passi quddiem sitwazzjoni li fiha ż-żgħażagħ iridu jitilqu mill-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-wegħdi tal-meritokrazija kienu biss daħka fil-wiċċ u sostna li l-gvern falla milli jimraħ fid-dinja ġdida ta’ għada. Iż-żgħażagħ fehmu li l-kliem sabiħ ma jfisser xejn fosthom dwar il-blockchain, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li l-gvern hu mhedi fi-medjokrità u fil-paternaliżmu tal-Istat biex iżommu l-poter.

Dan hu bugdet li ma jħarisx l-ambjent tal-pajjiż u hu bugdet li ma jindirizza il-problemi tat-tniġġiż tal-arja. Il-gvern ma fehemx li l-ambjent u l-iżvilupp jistgħu jimxi flimkien u ma fehmx kif jindizza l-edukazzjoni tal-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista qalli hawn skejjel abbandunati u mitluqa u qal li dan hu budget li ma jgħarafx l-importanza tal-għalliema li huma minsija mill-gvern. Hu qal li l-gvern jibqa’ bla azzjoni quddiem in-nuqqas ta’ żgħażagħ u li jridu jsiru għalliema.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern ma jindirizzax is-saħħa u sostna li fis-saħħa nsterqu €400 miljun bi ħsieb biex dawn jinqasmu bejn tliet ħallelin magħrufa.

Is-sistema tas-saħħa qed tikkrolla fejn hemm listi kbar ta’ stennija għall-operazzjonijiet. Hemm swali fil-kantina u canteen tal-Isptar waqt li l-pazjenti jdumu siegħat fl-Emerġenza.

Il-Gvern għadu m’għamilx sptar għas-saħħa mentali, ma sarx il-mother and child hospital, San Luqa sar barumbara tal-ħamiem u f’Għawdex hemm biss ħofra.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-miljuni mistruqa fil-power station tal-Electrogas u qal li l-Ministru Miriam Dalli għandha tara li l-poplu jiġbor il-flus li ntefqu fil-proġett tal-windfarms tal-Montenegro. L-imħuħ wara dan il-proġett huma Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri. Għalhekk il-gvern jaħbi; għax il-perċimes huma l-istess nies. Dan hu gvern li l-ispag tiegħu għadhom miġbuda minn dawn in-nies.

Beppe Fenech Adami qal li min ma jiġġilidx il-korruzzjoni hu korrott u għalhekk id-deputati Laburisti li jibqgħu siekta huma wkoll kompliċi. Hu sostna li l-gvern kisser il-moral fil-pulizija u għalhekk iż-żgħażagħ ma jridx jidħlu fil-Korp.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-qtil ta’ Bernice Cassar qal li hi inqatlet għax l-Istat falla. Hu sostna li beda politika ma jista’ jkollu kundanna kontrih minn rapport ta’ inkjesta li jgħid li dan il-qtil seta’ kien evitat.

Beppe Fenech Adami sellem lill-omm Jean Paul Sofia, li qed tgħid li dan hu gvern li falla u bla ruħ li jgħatti flok jikxef il-verità. Jean-Paul, ommu u l-pajjiż kollu jistħoqqlu ġustizzja, sostna Beppe Fenech Adami, li appella biex id-deputati Laburisti jqumu u ma jħallux li ma ssirx ġustizzja ma’ Jean-Paul Sofia.