Lokali Parlament

Il-gvern b’nuqqas ta’ investiment għall-produtturi Maltin tal-films

Julie Zahra, PN

Id-deputat Nazzjonalista Julie Zahra qalet fil-parlament li l-gvern mhux jinvesti biżżejjed biex jgħin lill-produtturi Maltin tal-films.

Julie Zahra qalet li l-poplu nsteaq €400 miljun fl-iskandlu tal-isptarijiet meta dawn setgħu ġew investiti f’diversi setturi fosthom fl-arti u l-kultura inkluż fil-Villaġġ tal-Karnival li tant ilu mwiegħed.

Il-gvern seta’ bena teatru kif suppost għaliex il-komunità artistika għandha bżonn teatru professjonali li jilqa’ fih konferenza u akkademji kif hemm f’pajjiżi oħra.

Hi sostniet li l-gvern seta’ investa fil-mużewijiet bl-użu tat-teknoloġija u qalet li l-gvern jibqa’ jgħatti anki fuq il-marker stone li kienet fid-dar tal-Ministru Anton Refalo.

Fuq dan kollu hemm il-poplu li qed juri r-rabja tiegħu, sostniet Julie Zahra, li qalet li l-Kummissarju għall-Industrija tal-Films qed jieħu krettu fejn m’għandux. Hi semmiet l-infieq bla rendikont u qalet li l-industrija tal-films għandha tkun sostenibbli.

Julie Zahra qalet li l-Kummissarju tal-Films issa għandu bżonn tant nies biex jaħdmu fl-industrija tal-films u sostniet jekk dan ix-xogħol hux impjieg garantit jew xoghol temporanju. Il-Gvern applika għal €50 miljun f’fondi Ewropej; il-Ministru għandu jispjega dwar din il-qabża kbira.

Id-deputat Nazzjonalista staqsiet fejn hu l-co-production fund u sostniet li l-gvern se jonfoq €600,000 biex produtturi Maltin jaħdmu l-films waqt li għall-prodotturi barranin hemm il-miljuni. H qalet li l-ewwel dmir għandu jkun lejn il-pajjiż u lejn min jaħdem f’dawn is-setturi.